Deċiżjoni dwar l-akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm Twelve to 3 li xxandar fit-3 ta’ Novembru, 2017
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. dwar il-programm Twelve to 3 li xxandar fit-3 ta’ Novembru, 2017, fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta f’din l-edizzjoni l-intervista mas-Sinjura Joan Haber dwar l-MFCC Weddings & Events Exhibition (Weddings Fair) spiċċat f’reklam wieħed wara l-ieħor għal setturi differenti lil kienu esebiti fl-istess fiera.
Skont l-akkuża, waqt l-intervista il-mistiedna qalet li hija kienet is-sid ta’ Alka Ceramics Ltd u semmiet numru ta’ prodotti li toffri l-kumpannija tagħha, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ souvenirs tat-tieġ. Eventwalment hija kompliet titkellem dwar l-MFCC Weddings & Events Exhibition fejn spjegat x’inhuma l-vantaġġi għal dawk kollha li jżuru l-fiera, kif ukoll x’wieħed isib meta jżur dan l-avveniment. Filwaqt li spjegat li l-fiera toffri xi ħaġa għal kulħadd f’dak li għandu x’jaqsam ma’ organizazzjoni ta’ avvenimenti, fosthom tiġijiet, il-mistiedna semmiet ukoll il-vantaġġ li wieħed jista’ jidħol fiċ-ċans li jirbaħ rigal ta’ €12,000 mingħand ROCS travel. Lejn tmiem ir-rokna l-mistiedna reġgħet għamlet referenza għal Alka Ceramics Ltd u qalet li kienet qed tidħol il-kultura li jiġu organizzati hen’s parties anki f’postijiet bħal Alka Ceramics fejn gruppi ta’ nies ikollhom iċ-ċans li jaħdmu l-fuħħar. Din l-intervista kompliet tieħu xejra aktar reklamatorja meta l-preżentaturi nfushom qalu wkoll li bħalissa qed ikollhom talbiet biex jagħmlu quiz shows waqt it-tiġijiet.
Fl-akkuża kien allegat li din l-intervista ġiet ridotta għal reklam sħiħ minħabba l-element reklamatorju li ġie ippreżentat minħabba l-interessi kummerċjali marbuta ma’ din il-fiera u anki minħabba li l-mistiedna tkellmet dwar il-kummerċ tagħha wkoll bil-preżentaturi jħallu l-kontenut jibqa’ għaddej.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micallef li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon li kien akkumpanjat mis-Sur Daniel Chircop produttur tal-programm, f’seduta li nżammet fid-29 ta’ Novembru, 2017.
Minn naħa tiegħu is-Sur Chircop filwaqt li ammetta l-akkuża stqarr li minkejja li kienu tkellmu mas-Sinjura Haber dwar il-parametri tal-intervista, fil-fatt din kienet ħadet l-opportunita’ u dawret l-istess intervista f’messaġġ kummerċjali. Żied li l-mistiedna kienet injorat għal kollox l-iskript ippreparat u peress li l-intervista kienet live il-preżentatur ma setgħa jagħmel xejn.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari tal-ammissjoni tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u għalhekk kellha timponi l-penali relattiva ta’ €1750. L-Awtorità qablet li fiċ-ċirkostanzi tal-każ din id-deċiżjoni kellha tkun sospiża għal sena mid-data tan-notifika.
Illum 2 ta’ Jannar, 2018