TVM u TVM 2 - Artiklu 15 - 13 ta' Mejju 2014




Deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar ksur tad-Direttiva ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir

 

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM u TVM 2 rigward ksur tad-Direttiva ai termini ta’ Artiklu 15 tal-Att dwar ix-Xandir, liema direttiva kienet tobbliga lill-istazzjon li:

 

  • mhux anqas minn darbtejn fil-ġimgħa jistieden rappreżentanti/kandidati tal-partiti u movimenti li se jikkontestaw l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Għall-finijiet ta’ kjarifika, l-Awtorità qed tirreferi speċifikament għal Alternattiva Demokratika, Imperium Europa, Alleanza Bidla u Alleanza Liberali.
  • Tali parteċipazzjoni għandha tkun jew fi programmi ta' diskussjoni jew waqt irkejjen fi programmi oħra li matulhom ikunu qed jiġu ttrattati materji ta' ġrajjiet kurrenti.
  • Kull intervent ta’ dawn ir-rappreżentanti għandu jkun mhux anqas minn għaxar minuti li matulhom il-kelliema ikunu jistgħu jwasslu l-messaġġi tagħhom b’rabta mal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
  • Fil-każ tal-kandidat indipendenti li qed jikkontesta f’isem il-Partit tal-Ajkla, dan għandu jiġi mistieden ta’ lanqas darba fil-ġimgħa u l-intervent m’għandux ikun anqas minn ħames minuti.

 

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Reno Bugeja, Manager News & Current Affairs u lil Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd f’seduta li nżammet ilbieraħ 15 ta’ Mejju, 2014.

 

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża kienet  ġiet ippruvata u għaldaqstant imponiet il-penali relattiva ta’ erbat elef sitt mija u sittin Ewro €4,660 liema impożizzjoni ta’ penali ġiet sospiża sa nhar il-Ħadd 18 ta’ Mejju, 2014.

 

Illum 16 ta’ Mejju, 2014