L-Awtorità kellha quddiemha akkuża dwar il-programm Katrina li xxandar fid-19 ta’ Lulju 2014 fuq TVM2 u fis-17 ta’ Lulju fuq TVM fejn f’parti minnha ġie allegat li kien hemm ksur tal-provedimenti tat-tqegħid tal-prodott - ksur ta’ artiklu 16M(4)(a) tal-Att Dwar ix-Xandir peress li dehru żewġ pakketti tas-sigarretti Dunhill Blue. Fit-tieni parti tal-akkuża, ċjoè fuq il-programm tas-26 ta’ Lulju fuq TVM2, ġie allegat li l-istazzjon kiser Artiklu 16M(4)(c) tal-Att Dwar ix-Xandir minħabba tqegħid ta’ prodott tal-alkoħol li deher bejn 15:19 u 17:23.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sur Reuben Zammit, Kap tal-Programmi tal-PBS Ltd., li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Settembru, 2014.
Il-Kap Eżekuttiv qal li dan kien nuqqas serju tal-istazzjon għaliex l-istazzjon kien diġà nstab ħati fuq akkuża rigward l-istess programm u ma ħax il-passi neċessarji biex dan ma jerġax jiġi mxandar.
Is-Sur Zammit sostna li din ma kinitx l-istess xena li dwarha l-Awtorità kienet sabet lill-istazzjon ħati u li t-tabakk li deher kien shot aċċidentali mhux intenzjonat bħala tqegħid tal-prodott. Qal ukoll li l-PBS ma kienx konxju ta’ din it-tieni xena qabel ma xxandret ir-ripetizzjoni ta’ din is-serje. Rigward il-flixkun tal-whisky JB, is-Sur Zammit qal li ma kienx hemm iffukar fuq dan il-flixkun u dan kien ukoll inċidentali. Insista li dan ma kienx intenzjonat bħala tqegħid tal-prodott. Żied li r-repeats ta’ programmi ta’ drama kienet esperjenza ġdida għall-istazzjon u ma kienx sar iċċekkjar komplet ta’ kull programm qabel ma xxandar.
Is-Sur Zammit qal li kien irċieva telefonata mingħand l-Awtorità fuq dawn in-nuqqasijiet u immedjatament kien ħa azzjoni.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjoni tal-partijiet saħqet li hija kienet attenta ħafna rigward il-liġi li ma tippermettix il-wiri ta’ xorb alkoħoliku f’ċerti ħinijiet u aktar u aktar dwar is-sigaretti. Il-Membri qablu li kienet ċara li l-akkuża ġiet ippruvata u li l-akkuża oriġinali maħruġa mill-Kap Eżekuttiv f’Diċembru tal-2013 kienet fil-fatt tirreferi għal żewġ edizzjonijiet tas-sensiela Katrina u għalhekk kienet tkopri wkoll ix-xena fil-programm li dwaru ħarġet l-akkuża li kellha quddiemha l-Awtorità fis-seduta odjerna. Għalhekk l-Awtorità ddeċidiet li timponi l-penali relattiva ta’ €2,796 b’żieda ta’ 20% skont kif stabbilit fil-Ħames Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir. Tali penali kellha titħallas fi żmien xahar mid-data tan-notifika.
Illum 11 ta’ Settembru, 2014