TVM - X Factor




Deċiżjoni dwar l-ilment imressaq mis-Sur Mark Amaira kontra PBS Ltd minħabba l-code-mixing u l-code-switching fil-programmi X Factor.

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq mis-Sur Mark Amaira kontra l-istazzjon pubbliku PBS Ltd rigward il-programmi X Factor.

 

Is-Sur Mark Amaira kiteb lill-istazzjon nhar it-12 ta’ Novembru 2023 dwar Malti użat ħażin, il-code-mixing u l-code-switching matul il-programmi kollha mxandra u li hu kien qed jillimita għall-aħħar 15-il jum.  Is-Sur Mark Amaira wissa lill-istazzjon pubbliku li l-lingwisti l-kbar kollha jikkonfermaw b’diversi studji li t-taħdit imħallat u mħawwad jagħmel ħsara kbira lil-lingwa u jinnormalizzah apparti li jixhed difetti kbar fil-ħsieb kollettiv tal-poplu. Fl-istess kommunikazzjoni l-PBS ġie mistoqsi wkoll jikkonferma jekk jeżistix konsulent kif tesiġi l-liġi f’Paragrafu 4 tal-L.S. 350.10.

 

L-Inġ. Charles Dalli, bħala editor-in-chief ta’ PBS Ltd, wieġeb nhar il-15 ta’ Novembru 2023. Filwaqt li qabel mas-Sur Mark Amaira dwar l-importanza tal-Malti kif miktub u mitħaddet u li peress li l-programm huwa essenzjalment reality show, jista’ allura jkun hemm kummenti jew kontenut ta’ natura spontanja u li mhux kull persuna tesprimi ruħha bl-istess mod.

 

Is-Sur Mark Amaira għażel li jipproċedi bl-ilment skont il-proċedura tal-L.S. 350.06.

 

Matul is-smigħ ta’ dan l-ilment li sar fl-4 ta’ Diċembru 2023, is-Sur Mark Amaira qal li reality show tfisser li tiġi mistiedna persuna mit-triq biex titkellem. Iżda f’dan il-programm hemm 4 persuni msejħa ‘judges’. Il-PBS qed jistieden lil dawn il-persuni għax huma ‘influencers’ iżda l-Malti tagħhom huwa ħażin ħafna. Qal li hu qed iżomm lill-PBS kontabbli għall-kontenut tiegħu.

 

L-Inġ. Charles Dalli, li deher għal dan is-smigħ flimkien ma’ Dr Shaun Zammit bħala l-konsulent legali tal-istazzjon, qal li s-Sur Mark Amaira kien qed jitkellem in ġenerali u li ma kienx ġab eżempju wieħed biex isostni dak li kien qed jitkellem dwaru. L-Inġ. Charles Dalli kkonferma li l-istazzjon għandu konsulent tal-Malti.

 

L-Awtorità ħadet konjizzjoni ta’ dak li ntqal u għaddiet biex tistħarreġ dan l-ilment.

 

Il-Bord mhuwiex qiegħed jilqa' l-ilment iżda qed jidderieġi lill-PBS sabiex, fi żmien tliet ġimgħat mid-data ta' din id-deċiżjoni jikkomunika lill-Awtorita' l-identità tal-konsulent tal-Malti tiegħu għall-approvazzjoni tal-istess Bord skont id-dispożizzjoni ta’ l-Art. 4(a) tal-L.S. 350.10.

 

 

12 ta’ Diċembru 2023

Smigħ 15/2023 Numru 8

Ref: 92/23