TVM - Xandira tal-Prim Ministru - 17 ta' Ġunju, 2013




Deċiżjoni dwar l-Ilment mill-Partit Nazzjonalista rigward Xandira tal-Prim Ministru qabel l-Aħbarijiet tat-8.00p.m. fuq TVM tas-17 ta’ Ġunju, 2013 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista datat 2 ta’ Lulju 2013 rigward xandira lin-Nazzjon mill-Prim Ministru, Dr Joseph Muscat, f’għeluq l-ewwel mitt jum tal-leġislatura l-ġdida li xxandret fis-17 ta’ Ġunju, 2013 qabel l-aħbarijiet tat-8.00p.m.

L-Awtorità semgħet lil Dr Karol Aquilina f’isem u in rappreżentanza tal-Partit Nazzjonalista fil-preżenza ta’ Dr Chris Said, Segretarju Ġenerali, u s-Sur David Herrera, Direttur tal-Informazzjoni, u lil Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd. u lis-Sur Reno Bugeja, Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd. f’laqgħa li nżammet fid-9 ta’ Lulju, 2013.

Dr Karol Aquilina kkontenda li skont il-Partit Nazzjonalista din kienet produzzjoni politika aktar milli xandira lin-Nazzjon u dan mhux biss minħabba l-istil li kien differenti minn dak li wieħed kien imdorri bih f’dan it-tip ta’ xandiriet iżda wkoll minħabba l-messaġġ li kien jitratta materja ta’ natura kontroversjali u għalhekk ma kienx jimmerita li jkun inkluż f’xandira ta’ din in-natura. Żied li l-kontenut tal-messaġġ ma kienx fattwali u għaldaqstant iwassal għal interpretazzjoni differenti fuq livell politiku.

Dr Aquilina qal li l-kontenut kien jitqies propaganda politika u l-Partit Nazzjonalista kellu pożizzjoni ċara dwar l-argumenti trattati u għaldaqstant dan kien jimmerita l-opportunità li jwieġeb.   

Żied li skont il-linji gwida maħruġa mill-Awtorità fl-1992 dwar Xandiriet Ministerjali dawn it-tip ta’ messaġġi kellhom ikunu fattwali u mhux politiċi u għalhekk il-Partit Nazzjonalista kien qed joġġezzjona u jitlob rimedju effettiv u dan ifisser li jingħata l-istess tul ta’ ħin, fl-istess ħin tat-trasmissjoni u fi żmien meta tkun tista’ tintlaħaq l-istess kobor ta’ udjenza u dan skont il-liġi sabiex jinħoloq il-bilanċ li kien nieqes fl-imsemmija xandira.

Dr Mark Vassallo qal li l-PBS Ltd. bħala xandar pubbliku kellu l-obbligu li jxandar il-messaġġ tal-Prim Ministru.  Żied li sa dakinhar ma kienux jeżistu regoli speċifiċi dwar xandiriet lin-Nazzjon, madanakollu fin-nuqqas ta’ dan u b’analoġija wieħed seta’ jirreferi għal linji gwida tal-Awtorità dwar Xandiriet Ministerjali li l-istess kienet ippublikat fl-1992. Żied li fil-każ in eżami wieħed ma kellux joġġezzjona għal bidla fl-istil, minħabba l-introduzzjoni ta’ viżwali stante li dan kien permess skont Paragrafu 6 tal-imsemmija linji gwida.

Dr Vassallo qal li ai termini tal-istess linji gwida l-Kap tal-Aħbarijet għandu l-obbligu li jara li l-kontenut tal-istess xandira ma jmurx kontra l-liġi, partikolarment l-Att dwar ix-Xandir. Żied li l-imsemmija linji gwida kienu jitolbu li dawn ix-xandiriet ikunu imparzjali u sakemm dan ikun assikurat, il-ħtieġa għal dritt ta’ risposta ma kellhiex tirriżulta. Dr Vassallo qal li fin-nuqqas ta’ regolamenti speċifiċi,  sakemm l-istazzjon ma jħossx li x-xandira tkun ser tikser il-liġi, dan kellu l-obbligu li jxandarha. 

F’dan l-istadju s-Sur Reno Bugeja qal li skont hu, l-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid kien tragward partikolari u importanti u fil-każ in eżami ma kienx iħoss li kien hemm ksur tal-liġi u għaldaqstant bl-ebda mod ma seta’ jintervjeni.  

Mistoqsi minn Membru tal-Awtorità jekk il-PBS ixxandarx dejjem messaġġi ta’ dan it-tip, Dr Vassallo qal li l-prassi kienet li kull darba li l-Gvern jagħmel talba, il-PBS obbligat li jxandar. Żied li l-imsemmija linji gwida kienu jirreferu għal xandiriet Ministerjali u mhux xandiriet lin-Nazzjon u għalhekk biex jiġu evitati malintiżi kien hemm il-ħtieġa li l-Awtorità tirregola wkoll tali xandiriet.

Dr Karol Aquilina irrileva li l-Att dwar ix-Xandir kien jispeċifika dawk l-okkażjonijiet meta jistgħu jsiru xandiriet ta’ dan it-tip.  Żied li, skont hu, il-Prim Ministru kellu jindirizza lin-nazzjon f’każijiet eċċezzjonali bħal f’każ ta’ kriżi, l-ewwel jiem tal-leġislatura, f’każ ta’ żjarat importanti, però mhux fl-ewwel mitt jum tal-Gvern.

Żied li f’dan il-kuntest setgħet tiżviluppa sitwazzjoni fejn il-Prim Ministru jibda jiddetta hu kif juża x-xandir nazzjonali u jordna lill-PBS Ltd ixxandar messaġġi lin-nazzjon skont il-ħtieġa. Dr Aquilina qal li dan il-messaġġ ma kienx imparzjali, iżda kien kontroversjali u għalhekk kellu jingħata rimedju biex jinħoloq il-bilanċ.  

Meta wieġeb domanda ta’ Membru tal-Bord dwar jekk il-Partit Nazzjonalista kienx ħareġ komunikat dwar l-ewwel mitt jum tal-Gvern u jekk PBS Ltd. xandritx l-istess, Dr Aquilina qal li dan kien sar u l-imsemmija stqarrija kienet ġiet rappurtata fl-aħbarijiet.  Żied li madanakollu wieħed ma setax jikkonsidra tali rappurtaġġ bħala rimedju għaliex in-natura tax-xandira kienet differenti.

F’dan l-istadju Dr Chris Said qal li indirizz lin-Nazzjon kellu jkun marbut ma’ okkażjoni partikolari u importanti u fil-każ in eżami l-messaġġ kien jinkludi ġabra ta’ dak li l-Gvern wettaq fl-ewwel mitt jum tiegħu bi slogan politiku.  Żied li fil-passat qatt ma kien hemm ilmenti ta’ dan it-tip u talbiet għal rimedju peress li l-messaġġi ma kienux ikunu ta’ dan it-tip.

Dr Mark Vassallo irrileva li f’dan il-każ wieħed kellu jikkonsidra dak li tgħid u tippermetti l-liġi u mhux dak li kien isir tradizzjonalment.  Żied li minkejja li dak li xxandar kien stilistikament differenti, l-istazzjon ma ħassx li kellu jintervjeni.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet rat il-filmat relattiv iddikjarat li sa dakinhar ma kellhiex il-konfort ta’ deċiżjonijiet preċedenti u in oltre il-linji gwida fuq ċitati kienu jirrigwardaw xandiriet Ministerjali u mhux xandiriet lin-Nazzjon mill-Prim Ministru. 

L-Awtorità qablet li xandiriet ta’ dan it-tip kellhom jitrattaw purament materji ta’ interess nazzjonali u ma kellhomx ikunu ta’ natura propagandistika u in oltre l-kontenut kellu jaderixxi mal-provvedimenti tal-Kostituzzjoni u l-Liġi tax-Xandir.

L-Awtorità kienet tal-fehma li l-ewwel mitt jum ta’ leġislatura ġdida  kien tragward importanti u huwa diffiċli li wieħed jaċċetta li l-Prim Ministru ma kellux id-dritt li jinforma lill-pubbliku b’dak li tkun wettqet Amministrazzjoni ġdida.  Huwa mistenni wkoll li meta jagħmel dan il-Prim Ministru jkun ser jirreferi għal dak li kien imwiegħed fil-programm elettorali li fuqu kien ingħata l-fiducja mill-poplu. Dan mhux bil-fors jikkostitwixxi materja ta’ natura konversjali u meta ħarset lejn l-assjem tal-kontenut tax-xandira li dwarha sar l-ilment, l-Awtorità ma tħossx li din kienet timmerita rimedju.

In vista ta’ dan, l-Awtorità ddeċidiet li l-ilment ma kienx jissussisti u fil-fehma tagħha, fiċ-ċirkostanzi tal-każ ma kienx hemm lok għar-rimedju mitlub.  L-Awtorità ser tassigura li fil-futur ikun hemm użu tajjeb ta’ din il-faċilità li għandu kull Gvern u se tieħu passi biex il-linji gwida li għalihom saret riferenza waqt is-smigħ ta’ dan l-ilment jiġu aġġornati u jkunu aktar speċifiċi.

Illum 15 ta’ Lulju, 2013