TVM - Xarabank - 15 ta' Diċembru 2012 u TVHemm - 17 ta' Diċembru 2012




Deċiżjoni dwar żewgt ilmenti mressqa mill-Onor. Dr Franco Debono dwar il- programm Xarabank tal-15 ta' Diċembru 2012 u l-programm TVHemm tas-17 ta' Diċembru 2012. 

L-Onorevoli Dr Franco Debono ressaq żewġ ilmenti quddiem l-Awtorità tax-Xandir. L-ewwel ilment kien dwar  il-programm Xarabank tal-15 ta’ Diċembru u t-tieni lment kien dwar il-programm TVHemm tas-17 ta’ Diċembru, 2012.

L-ilmenti mressqa kienu jinkludu diversi elementi fosthom li:

  • Waqt il-programm Xarabank tal-15 ta’ Diċembru 2012 li kellu bħala mistiedna lil Dr Simon Busuttil, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, u lil Dr Anġlu Farrugia, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, l-Onorevoli Debono ilmenta għal kummenti u dikjarazzjonijiet li kien għamel fil-konfront tiegħu Dr Simon Busuttil u dan meta hu ma kienx ingħata l-opportunità jwieġeb.    
  • Waqt il-programm TVHemm tas-17 ta’ Diċembru 2012, l-Onorevoli Debono lmenta mill-imġieba u l-andament tal-programm li, fi kliem l-Onorevoli Debono, kien "iddeġenera" f’dibattitu mal-preżentatur dwar temi li ftit li xejn kellhom x’jaqsmu ma’ dak li kellu jkun is-suġġett tal-programm. F’dan il-programm ukoll Dr Debono ikkontenda li ma kienx ingħata l-opportunità jwieġeb u jagħmel l-argumenti tiegħu.

L-Awtorità, f’seduti miżmuma fit-3 u t-8 ta’ Jannar 2013 rispettivament, ikkunsidrat dawn l-ilmenti taħt l-Artiklu 34 tal-Att Dwar ix-xandir li jagħti setgħa lill-Awtorità li tqis ilmenti dwar trattament inġust u mhux xieraq fi programmi mxandra kemm fuq ir-radju kif ukoll fuq it-televizjoni, kif ukoll ilmenti dwar nuqqas ta’ dritt ta’ risposta.

L-Awtorità semgħet lill-Onorevoli Dr Franco Debono, lil Dr Natalino Fenech, Editur u Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS, lil Dr Mark Vassallo li kien qed jidher għan-nom u fl-interess tal-istazzjon u lis-Sur Norman Vella għall-produtturi.

Fost is-sottomissjonijiet magħmula, l-istazzjon ressaq eċċezzjoni preliminari li l-proċedura għas-sottomissjonijiet tal-ilment dwar il-programm TVHemm ma kienitx ġiet segwita kif titlob il-liġi imma l-istazzjon ma kien isib l-ebda oġġezzjoni li ż-żewġ ilmenti jinstemgħu kif kien ġie propost mill-Awtorità.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet u qieset il-provvedimenti tal-Liġi Dwar ix-Xandir fir-rigward taż-żewġ ilmenti, l-Awtorità iddeċidiet kif jidher hawn taħt:

1. Rigward l-ilment magħmul mill-Onorevoli Dr Franco Debono dwar il-programm Xarabank tal-15 ta’ Dicembru 2012, jirrizulta li l-istazzjon offra lill-Onor. Dr Franco Debono r-rimedju li toffri il-Liġi Dwar ix-Xandir u l-istazzjon ma kienx tenut li joffri oltre.  Il-fatt li Dr Debono m’aċċettax id-dritt ta’ risposta fil-forma li tistipula l-Liġi ma tikkostitwix ksur tal-Liġi min-naħa tal-istazzjon u għalhekk l-Awtorità tqis li l-ilment tal-Onor. Dr Franco Debono dwar il-programm Xarabank ma kienx ġustifikat u għalhekk mhux qed jiġi milqugħ. 

L-Onor Debono dejjem għandu d-dritt li tagħtih il-liġi li jitlob rimedju billi jissottometti lill-istazzjon ir-risposta tiegħu għall-kummenti li fl-opinjoni tiegħu jimmeritaw id-dritt tar-risposta u l-istazzjon, kif diġà offra, jxandar tali risposta skont paragrafu 8, sub-paragrafu 15 tal-Liġi Sussidjarja 350.14.

2. Rigward l-ilment imressaq mill-Onorevoli Dr Franco Debono dwar il-programm TVHemm tas-17 ta’ Diċembru 2012, l-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijet tal-partijiet fis-seduta preċedenti u rat il-filmat relattiv u wara li nnutat il-punti rilevati mill-membri u d-deċiżjoni tagħha diversament komposta, dwar il-programm Bondi+ tas-6 ta’ Frar 2007, iddeċidiet li l-ilment ta’ Dr Franco Debono rigwardanti l-programm TVHemm ma kienx ġustifikat, ma kienx qed jiġi milqugħ u ma kienx hemm lok li jingħata rimedju kif mitlub mill-istess, u dan minħabba l-fatt li l-Awtorità kienet tħoss li waqt il-programm dan kien ingħata ħin biżżejjed biex jiżvolġi l-pożizzjoni tiegħu dwar is-suġġett u jwassal il-messaġġ tiegħu lit-telespettatur.

Madanakollu l-Awtorità ħadet konjizzjoni tal-komportament tal-preżentatur waqt il-programm TVHemm. L-Awtorità nnutat li f’ċerti ħinijiet tal-programm il-preżentatur u l-mistieden bdew jitkellmu fuq xulxin b’mod li t-telespettaturi ma setgħux isegwu dak li kien qed jingħad. Għalhekk l-Awtorità terġa tirritjeni li preżentatur fuq ix-xandir pubbliku għandu jkun newtrali u imparzjali waqt li jkun qed imexxi programm u m’għandux jidħol f’battibekki ma’ xi parteċipant li huwa stess ikun stieden biex jieħu sehem fil-programm tiegħu anke jekk bħal f’dan il-każ partikolari, ikunu saru diversi akkużi fil-konfront tiegħu mill-istess mistieden. 

In vista ta’ dan, l-Awtorità dehrilha li kellha tiġbed l-attenzjoni tal-istazzjon għal dan l-aġir.

14 ta’ Jannar 2013