TVM - Xarabank - 12 t'Ottubru 2012




Deċiżjoni dwar ilment mill-Alternattiva Dekomratika

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Alternattiva Demokratika fil-konfront tal-PBS Ltd. dwar il-programm Xarabank tat-12 t’Ottubru 2012 li tratta l-koabitazzjoni u l-IVF fejn il-Partit qal li l-produtturi kienu inizzjalment naqsu milli jistiednu lil rappreżentanti tal-Moviment u sussegwentement kienu stiednu rappreżentant bħala membru fl-udjenza, liema aġir kien meqjus diskriminatorju.

L-Awtorità semgħet lill-Perit Carmel Cacopardo f’isem l-Alternattiva Demokratika, lil Dr Natalino Fenech li kien qed jidher f’isem l-istazzjon u li kien akkumpanjat mill-Avukat Mark Vassallo, u kif ukoll mis-Sur Peppi Azzopardi li deher bħala xhud f’isem il-produtturi,  f’seduta li nżammet fis-16 t’Ottubru, 2012.

Wara introduzzjoni qasira miċ-Chairman, il-Perit Cacopardo qal li wara li l-Alternattiva Demokratika kienet ġiet infurmata bil-programm u bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti miż-żewġ partiti politiċi ewlenin, kienet saret talba sabiex l-istess partit ikun ukoll rappreżentat waqt il-programm.  Żied li r-risposta minn naħa tal-produzzjoni kienet li r-rappreżentant tal-Alternattiva Demokratika kien ser jiġi mistieden biex jifforma parti mill-udjenza u mhux fil-panel mal-mistiedna l-oħrajn. Il-Perit Cacopardo qal li b’dan il-mod l-Alternattiva Demokratika kienet qed tiġi relegata għal post sekondarju u dan ma kienx aċċettabbli.  Żied li bi protesta inħass li l-partit ma kellux jipparteċipa f’dan il-programm.

Dr Natalino Fenech qal li huwa bħala editur tal-istazzjon ma kienx jindaħal lill-produtturi dwar il-pożizzjoni fl-istudjo tal-mistiednin u l-argument li r-rappreżentant tal-Alternattiva Demokratika kien qed jiġi relegat għax ma kienx parti mill-panel ma kienx ireġi għax dan ma kienx ifisser li dan ma kienx ser jipparteċipa fid-diskussjoni.  Żied li l-ebda partit ma kellu d-dritt jiddetta fuq il-produtturi fejn joqgħod ir-rappreżentant tiegħu.

Minn naħa tiegħu is-Sur Peppi Azzopardi filwaqt li kkwota statistika dwar il-parteċipazzjoni tal-Alternattiva Demokratika f’Xarabank qal li l-produzzjoni ma kellha l-ebda problema mal-partit u dan kien evidenzjat mill-ammont ta’ stediniet li kienu saru minn kemm ilu jixxandar il-programm.  Żied li fil-programm in kwistjoni l-panel kellu jkun kompost minn kelliema taż-żewġ partiti prinċipali u rappreżentanti mill-MGRM u fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-Alternattiva Demokratika huwa ħass li kellu jippreżenta huwa stess il-pożizzjoni tagħhom dirett waqt il-programm.

Il-Perit Cacopardo qal li l-Alternattiva Demokratika ma kienitx qed tipprova tiddetta fejn kellu joqgħod ir-rappreżentant tagħha, madanakollu l-partit ma kienx iħoss li kellu jkun hemm distinzjoni u żewġ gradi ta’ parteċipanti aktar u aktar f’kuntest meta ż-żewġ partiti ewlenin kellhom l-istazzjonijiet tagħhom.  Żied li l-Alternattiva Demokratika kienet qed titlob li tkun preżenti fi programmi li kienu jinkludu l-parteċipazzjoni ta’ politiċi. 

Is-Sur Peppi Azzopardi qal li Xarabank kien programm li l’aktar ta vuċi lil Alternattiva Demokratika u l-format tal-programm kien jagħti l-possibilità li wieħed  iċempel u jipparteċipa fil-programm.  Żied li minn naħa l’oħra ma kienx possibbli li l-Alternattiva Demokratika tkun rappreżentanta f’kull edizzjoni.

L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, filwaqt li saħqet fuq il-ħtieġa li jkun ikkonservat id-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni, innutat li fl-edizzjoni in eżami Alternattiva Demokratika kienet ġiet mistiedna u minkejja li r-rappreżentant tagħha ma kienx ser ikun fuq il-panel tal-programm, madanakollu kien ser ikollu l-opportunità jwassal il-veduti tal-partit.  In oltre, l-Awtorità qablet li ma kienx jidher li Alternattiva Demokratika kienet qed tkun eskluża sistematikament fuq Xarabank u dan kien evidenzjat mill-informazzjoni u statistika sottomessa mill-produtturi u kkonfermata mir-rappreżentant tagħha.   Għaldaqstant  in vista ta’ dawn il-konklużjonijiet l-Awtorità iddeċidiet li l-ilment imressaq mill-Alternattiva Demokratika ma kienx ġustifikat.

19 t’Ottubru, 2012