TVM - Xarabank - 13 ta’ Marzu 2020




Ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Limited – Xarabank tal-Ġimgħa 13 ta’ Marzu 2020


L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Limited rigward l-edizzjoni tal-programm Xarabank li xxandret fit-13 ta’ Marzu 2020. F’korrispondenza datata 14 ta’ Marzu 2020 il-Partit ilmenta għall-fatt li fl-ewwel parti ta’ dan il-programm pparteċipa biss il-Prim Ministru Dr Robert Abela li skond l-istess ilment tkellem dwar il-pożizzjoni tal-Gvern u ddefenda lilu nnifsu u lill-Gvern mmexxi minnu mill-kritika fil-konfront tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista żied jgħid li għalkemm fit-tieni parti tal-programm kienu mistiedna diversi persuni oħra, fl-ebda parti tal-programm ma ngħata spazju lil xi rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista u b’hekk, l-Oppożizzjoni ma ngħatatx l-opportunità twassal il-pożizzjoni u l-kritika tagħha dwar id-deċiżjonijiet u n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern dwar l-imxija tal-Coronavirus (COVID-19) f’pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li b’dan in-nuqqas, TVM ħoloq sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ imparzjalità dwar ħaġa li hija ta’ kontroversja politika kurrenti. Intqal ukoll li b’hekk, l-istazzjon nazzjonali naqas milli jiżgura li l-faċilitajiet u l-ħin tax-xandir ikunu maqsuma b’mod xieraq bejn persuni li jkunu ta’ partiti politiċi differenti u dan sar bi ksur tal-obbligi tal-istazzjon nazzjonali taħt l-Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet virtwalment lill-Avukat Francis Zammit Dimech u lill-Avukat Karol Aquilina li dehru f’isem il-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja li kien akkumpanjat mill-Avukat Mark Vassallo u l-produttur tal-programm is-Sur Peppi Azzopardi. Preżenti għal dan is-smigħ virtwali kien hemm ukoll is-Sur Jesmar Baldacchino (Partit Nazzjonalista) u s-Sur Mark Laurence Zammit (mit-tim tal-produzzjoni ta’ Xarabank).

Minn naħa tiegħu l-Avukat Karol Aquilina f’isem il-Partit Nazzjonalista kkontenda li dan il-programm sar waqt ċirkostanzi partikolari ħafna ta’ pandemija u fejn il-Gvern, l-Oppożizzjoni u s-Soċjeta’ Civili ma kinux qed jaqblu fuq numru t’affarijiet li kienu għaddejjin. Żied li f’dawn iċ-ċirkostanzi waqt l-imsemmi programm il-Prim Ministru ma tkellimx fuq fatti iżda esprima opinjoni u argumenti politiċi fejn iddefenda kritika li kienet qed issir u kien għalhekk li l-Partit kien iħoss li l-Oppożizzjoni kellha tingħata spazju ssemma leħinha fl-istess okkażjoni. Dr Aquilina qal li dibatittu politiku kien jitlob d-diskussjoni ssir dakinhar stess sabiex in-nies ikollhom il-possibiltà jiġġudikaw u ma kienx jagħmel sens li l-bilanċ jintlaħaq wara, permezz ta’ programmi oħra.

Dr Aquilina qal li kuntrarjament għal dak li wieġeb l-istazzjon fit-tweġiba tal-istess ilment, il-bilanċ ma setax jintlaħaq xi żmien ieħor iżda bilfors ried u kellu jintlaħaq immedjatament u ma seta’ qatt jingħata rimedju tliet ġimgħat wara minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ġrajja kurrenti li kienet qed tinbidel minn jum għal ieħor.

Dr Mark Vassallo in rappreżentanza tal-istazzjon qal li l-programm kien ixxandar lejlet li tħabbru l-miżuri finanzjarji li kellhom l-għan jassistu ‘l dawk affetti mill-pandemija. L-istazzjon stieden lil Prim Ministru bħala dik il-persuna li fiċ-ċirkostanzi partikolari setgħet tagħti l-informazzjoni lill-pubbliku. Żied li l-obbligu li f’xandira waħda jkun hemm opinjonijiet tal-partijiet kollha ma’ kien joħroġ mill-ebda liġi u saħansitra l-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 li kienet liġi speċjali, ma kinitx tipprovdi li l-programm ikun bilanċjat fih innifsu iżda li l-bilanċ seta’ jintlaħaq fuq serje ta’ programmi.

Dr Vassallo qal li fil-programm il-Prim Ministru spjega u ta indikazzjoni tal-miżuri li kien ser iħabbar il-Gvern l-għada. Żied li fil-passat kien hemm ċirkostanzi fejn fi programmi ta’ PBS Ltd ġew mistiedna rappreżentanti tal-Gvern waħedhom bil-ġustifikazzjoni tkun li l-bilanċ kien jintlaħaq fuq serje ta’ programmi bħal fil-każ tal-kwistjoni fil-Libja fejn l-istazzjon kien stieden lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dr Laurence Gonzi. Dr Vassallo qal li bl-istess mod issa kien ġie mistieden il-Prim Ministru Robert Abela. Dr Vassallo qal li fil-programm in kwistjoni ma’ kienx hemm element ta’ kontroversja u fl-edizzjoni li xxandret fis-27 ta’ Marzu l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu l-ħin kollu jitkellem u jesprimi l-veduti tal-Oppożizzjoni. Dr Vassallo qal li f’dan il-każ il-PBS Ltd aġixxiet skond il-provvedimenti ta’ paragrafu 12 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 u b’konformita’ mal-obbligi tagħha.

Minn naħa tiegħu is-Sur Peppi Azzopardi f’isem il-produzzjoni qal li f’dawn il-każi wieħed ma’ riedx jinsa l-parteċipazzjoni u r-rwol tal-ġurnalist li kien hemm biex jistaqsi l-mistieden domandi li kienu qed jagħmlu n-nies u dan fih innifsu wkoll joħloq bilanċ.

Dr Karol Aquilina saħaq li l-għan tal-liġi kien li l-bilanċ jintlaħaq fil-programm innifsu. Żied li din ma kinitx sitwazzjoni normali għax kull minuta kienet qed issir domanda u l-kritika kienet tali li l-Oppożiżżjoni kellha tiġi mistiedna. Żied li l-argumenti tal-Oppożizzjoni kienet tagħmilhom hi u mhux il-ġurnalist li jkun qed jagħmel id-domandi u f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji kien l-obbligu tal-istazzjon nazzjonali illi jara li f’dak il-programm ikun hemm il-veduti tal-Oppożizzjoni.

Dr Francis Zammit Dimech qal li kellha tkun il-Kostituzzjoni li tindika kif wieħed jinterpreta l-Leġislazzjoni Sussidjarja peress li kienet il-liġi suprema. Żied li l-Kostituzzjoni kienet tirreferi għat-tqassim ta’ faċilitajiet u ħin b’mod xieraq bejn persuni li jkunu ta’ partiti politiċi differenti biex tinżamm imparzjalità xierqa dwar ħwejjeġ ta’ kontroversja politika ... jew li jirriferixxu għal policy pubblika korrenti. Dr Zammit Dimech qal li kellu jkun hemm sforz akbar biex id-diskussjoni ssir b’mod immejdat fl-istess okkażjoni. Żied illi l-programm tat-13 ta’ Marzu sar lejlet it-tħabbir tal-miżuri finanzjarji li żiedu mal-element tal-kontroversja politika iżda l-imparzjalita’ fil-liġi ma’ kienitx marbuta biss mal-kontroversja politika iżda anke l-politika kurrenti.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet rat id-dokumentazzjoni u l-programm in kwistjoni u wara li rreferiet għal deċiżjonijiet preċedenti ikkostatat is-segwenti u ċioe;

i) Illi l-edizzjoni tal-programm Xarabank tat-13 ta’ Marzu kienet waħda straordinarja fiċ-ċirkostanzi li kienu qed jiżviluppaw fil-pajjiż minħabba l-imxija tal-Covid-19.

ii) Illi f’dak il-mument kritiku l-pubbliku kien jeħtieġ informazzjoni u risposti ċari għal domandi u inċertezzi li kienu qed jiżviluppaw minn ħin għal ieħor.

iii) Illi dan il-każ kien simili ħafna għal dak trattat mill-Awtorità fl-2011 b’konnessjoni mal-kriżi fil-Libja fejn kien ġie rrijaffermat il-prinċipju li programmi f’forma one-to-one mhux neċessarjament jikkostitwixxu żbilanċ għall-fini tal-liġi.

iv) Illi sa dakinhar il-Gvern kien għadu ma’ ħabbarx miżuri intenzjonati sabiex jikkontrasta din is-sitwazzjoni u l-intervent tal-Prim Ministru kien wieħed informattiv u mhux ta’ natura kontroversjali.

L-Awtorità kienet tal-fehma illi fil-mument partikolari u ta’ emerġenza nazzjonali u mondjali kien idoneu li l-istazzjon jistieden lill-Prim Ministru biex iwieġeb għad-domandi u l-preokkupazzjonijet tal-pubbliku stante li din l-informazzjoni setgħet biss tingħata mill-Prim Ministru tal-pajjiż kif fil-fatt kien qed iseħħ fil-pajjiżi barranin kollha. F’dan l-istadju ma kienx opportun li ssir diskussjoni poliitka u/jew titqajjem kontroversja politika.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità ddeċidiet illi f’dan il-każ partikolari l-ilment tal-Partit Nazzjonalista ma jissussitix u għalhekk m’għandux jintlaqa’.