Ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Limited – Xarabank tal-Ġimgħa 20 ta’ Marzu 2020
L-Awtorita’ kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Limited rigward l-edizzjoni tal-programm Xarabank li xxandret fl-20 ta’ Marzu 2020. F’korrispondenza datata 21 ta’ Marzu 2020 il-Partit ilmenta mal-PBS għall-fatt li f’dan il-programm kienu mistednin u pparteċipaw il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici u li t-tnejn li huma tkellmu dwar il-pożizzjoni tal-Gvern u ddefendew lilhom infushom u lill-Gvern li jiffurmaw parti minnu mill-kritika fil-konfront tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista żied jgħid li għalkemm f’partijiet mill-programm intervjenew diversi persuni oħra, fl-ebda parti tal-programm ma ngħata spazju lil xi rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista u b’hekk l-Oppożizzjoni ma ngħatatx l-opportunità li twassal il-pożizzjoni u l-kritika tagħha dwar id-deċiżjonijiet u n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern dwar l-imxija tal-Coronavirus (COVID-19) f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq li b’dan in-nuqqas, TVM ħoloq sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ imparzjalità dwar ħaġa li hija ta’ kontroversja politika kurrenti. Huwa qal ukoll li b’hekk, l-istazzjon nazzjonali naqas milli jiżgura li l-faċilitajiet u l-ħin tax-xandir ikunu maqsuma b’mod xieraq bejn persuni li jkunu ta’ partiti politiċi differenti u dan sar bi ksur tal-obbligi tal-istazzjon nazzjonali taħt l-Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar ix-Xandir.
L-Awtorità semgħet virtwalment lill-Avukat Francis Zammit Dimech u lill-Avukat Karol Aquilina li dehru f’isem il-Partit Nazzjonalista u lis-Sur Reno Bugeja li kien akkumpanjat mill-Avukat Mark Vassallo u l-produttur tal-programm is-Sur Peppi Azzopardi. Preżenti għal dan is-smigħ virtwali kien hemm ukoll is-Sur Jesmar Baldacchino (Partit Nazzjonalista) u s-Sur Mark Laurence Zammit (parti mit-tim tal-Produzzjoni).
Minn naħa tiegħu Dr Karol Aquilina kkontenda li dan il-programm kien ixxandar ġimgħa wara l-programm tat-13 ta’ Marzu u għat-tieni ġimgħa konsekuttiva l-Oppożizzjoni ma kinitx ingħatat spazju u ma dehret imkien. Żied li ġimgħa wara l-ewwel programm, u biex il-Gvern ikompli jirribatti u jilqa’ għall-kritika ġew mistiedna l-Ministru Owen Bonnici u l-Ministru Silvio Schembri u ma ġie mistieden ħadd biex jippreżenta l-veduti tal-Oppożizzjoni minkejja li din kellha kelliema li setgħu jagħmlu dan. Dr Aquilina qal li l-Oppożizzjoni kellha kelliema li setgħu jintervjenu fid-dibattitu. Stieden lill-Awtorità tax-Xandir tara l-programm biex tara l-argumenti politiċi li ġew trattati dwar il-miżuri ekonomiċi/finanzjarji imħabbra mill-Gvern u fejn l-Oppożizzjoni kellha tagħmel l-argumenti tagħha. Dr Aquilina qal li fir-risposta tiegħu s-Sur Reno Bugeja qal li l-ġimgħa ta’ wara kien ser ikun mistieden Dr Adrian Delia u dan wara żewġ programmi li kienu diġa xxandru li fihom dehru biss kelliema tal-Gvern. Żied li r-risposti kellhom jingħataw fil-programm dak il-ħin mhux ġimgħatejn wara.
Is-Sur Peppi Azzopardi qal li minn kuntatt li kellu Xarabank mal-pubbliku dan esprima żewġ preokkupazzjonijiet partikolari u ċioe il-pakkett finanzjarju u l-edukazzjoni. Żied li jekk wieħed kellu jara l-programm fejn kien mistieden l-Onorevoli Owen Bonnici isib li l-mistoqsijiet ma kinux ta’ natura politika iżda ta’ natura prattika u allura wieħed jistaqsi jekk kienx jagħmel sens li jkollok parteċipazzjoni mill-Oppożizzjoni, jew minflok domandi diretti lil Ministru kif fil-fatt sar. Żied li fl-istess programm il-Ministru Bonnici ħabbar li kienu ser jingħataw laptops lil dawk l-istudenti li ma kellhomx mezzi. Dwar l-intervista lill-Onorevoli Silvio Schembri s-Sur Azzopardi qal li f’dan il-każ kien hemm attakk kontra l-Gvern minn negozjanti u proprju l-produzzjoni daħħlet live lil Abigail Mamo (CEO – Malta Chamber of SMEs) waqt il-programm. Is-Sur Azzopardi qal li Xarabank ħabbar live li kien ser ikollu lill-Kap tal-Oppożizzjoni fil-programm sussegwenti għax f’dak il-mument, tliet ġimgħat wara kien inħass il-bżonn minħabba li kien hemm kontroversja.
Dr Mark Vassallo qal li s-sottomissjonijiet tiegħu fil-każ preċedenti (13 ta’ Marzu) kienu japplikaw għal dan l-ilment ukoll. Żied li l-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14 hekk kif interpretata mill-Awtorita’ tax-Xandir fil-każ ta’ ilment tal-Partit Laburista kontra PBS Limited dwar programm li xxandar fit-28 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011, fejn l-Awtorita’ ddeċidiet kontra l-ideja żbaljata li fi programm ikun hemm rappreżentanza tal-partiti kollha. Dr Vassallo qal li fil-każ tal-Onerevoli Schembri kien hemm il-Malta Chamber of SMEs li ppreżentaw argumenti iebsin, filwaqt li fil-każ tal-Edukazzjoni kien hemm il-ġenituri li staqsew u kkonfrontaw lill-Onorevoli Owen Bonnici. Żied li l-fatt li Dr Delia kien mistieden waħdu u l-ħin li ngħata fil-programm tas-27 ta’ Marzu kien jikkanċella l-ilmenti tal-Partit Nazzjonalista.
Dr Francis Zammit Dimech qal li fattwalment u oġġettivament skond il-liġi tax-Xandir id-dmir tax-xandâr ma kienx osservat bl-aħjar mod anke jekk kien hemm l-aħjar intenzjonijiet. Dr Karol Aquilina qal li l-fatti juru li xxandru żewġ programmi bil-parteċipazzjoni ta’ esponenti tal-Gvern fin-nuqqas ta’ rappreżentanża mill-Partit Nazzjonalista.
L-Awtorita’ ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li rat id-dokumentazzjoni relattiva u l-programm in kwistjoni, u wara li rreferiet għal deċiżjonijiet preċedenti, ikkostatat issegwenti illi apparti l-esponenti tal-Gvern f’parti oħra tal-programm kien hemm interventi minn rappreżentanti ta’ entijiet oħra iżda mhux il-veduti tal-Oppożizzjoni.
In vista ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet l-Awtorità ddeċidiet li l-fatt li l-istazzjon xandar l-veduti ta’ entjiet oħra li kellhom interess fit-temi diskussi apparti l-esponenti tal-Gvern, u allura fuq din il-materja ma kellhomx jitħallew barra l-veduti tal-Oppożizzjoni. F’dan il-każ, in-natura tal-programm kienet titlob li rappreżentanti tal-Oppożizzjoni jkunu preżenti u jingħataw spazju fl-istess programm.
L-Awtorità tħoss li dan in-nuqqas ikkawża nuqqas ta’ imparzjalità hekk kif protett bil-liġi u għal din ir-raġuni kienet qed tilqa’ l-ilment tal-Partit Nazzjonalista. Madankollu f’dan il-każ ma għandu jingħata ebda rimedju.