TVM - Xarabank - 22 ta' Marzu 2019




Akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm
Xarabank li xxandar fit-22 ta’ Marzu, 2019 fuq TVM

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ PBS Ltd. rigward il-programm Xarabank li xxandar fit-22 ta’ Marzu, 2019, fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16L(4) tal-Att dwar ix-Xandir u Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta matul dan il-programm ġie diskuss l-attakk li sar f’żewġ moskei fi Christchurch fi New Zealand. Minkejja li dan il-programm tratta tema ta’ ġrajjiet kurrenti, il-programm xorta waħda kien sponsorjat. Infatti fil-bidu u fi tmiem il-programm intqal, "Dan il-programm qed jiġi imwassal lilkom bix-xewqat tajba ta’ Gram Collections, Delicata Wines (Medina by Delicata)". Dan sar bi ksur ta’ Artiklu 16L(4) tal-Att dwar ix-Xandir. Barra minn hekk, matul waħda mill-waqfiet għar-reklami tal-programm Xarabank ippreżentat minn Peppi Azzopardi ħareġ reklam ta’ WeMedia li fih l-istess preżentatur rreklama wieħed mis-servizzi ta’ WeMedia stess. Dan wassal sabiex tinħoloq assoċjazzjoni evidenti bejn il-kontenut editorjali u l-kontenut reklamatorju u dan seħħ bi ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sinjuri Mario Micallef f’isem PBS Ltd u lis-Sinjuri P.J Vassallo u Mark Laurence Zammit f’isem il-produzzjoni, f’seduta li nżammet fis-17 t’April, 2019.

Minn naħa tiegħu is-Sur Vassallo qal li skont hu l-programm in kwistjoni ma kienx tratta Ġrajjiet Kurrenti u dan għax l-argument diskuss ma kienx lokali u ma kienx hemm kontroversja. Żied li r-reklam għal servizz ta’ Biografija minn WeMedia sar f’waqfa għar-reklami fost reklami oħra.

Is-Sur Mark Laurence Zammit qal li l-programm kien tratta argumenti oħra u aktar ġenerali.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

Illum is-7 ta’ Mejju, 2019