TVM - Xarabank - 6 ta' Ġunju 2014




Deċiżjoni mill-Awtorità tax-Xandir dwar l-ilment minn Dr Martin Fenech LL.D. noe dwar il-programm “Xarabank” imxandar fuq TVM fis-6 ta’ Ġunju 2014

L-Awtorità kellha quddiemha ilment imressaq mill-Avukat Dr Martin Fenech noe dwar il-programm Xarabank li xxandar fuq TVM nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Ġunju 2014 u li l-istess Dr Fenech allega li kien biased u li ppreġudika l-każ li kien quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja u d-drittijiet tal-klijenta tiegħu s-Sinjura Liza May Camilleri.

L-Awtorità semgħet lill-Avukat Dr Martin Fenech li kien assistit mill-Avukat Dr Lorraine Calleja u lis-Sur Reno Bugeja Editur u Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ PBS Ltd li kien assistit minn Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd. f’seduta li nżammet fl-1 ta’ Lulju 2014.

Barra mis-sottomissjonijiet verbali li matulhom instema’ bħala xhud għall-istazzjon, is-Sur Peppi Azzopardi, preżentatur tal-programm Xarabank, bi qbil bejn iż-żewġ partijiet u bl-approvazzjoni tal-Awtorita`, iż-żewġ partijiet għamlu sottomissjonijiet ulterjuri bil-miktub dwar il-każ li ġew ikkunsidrati bħala parti integrali tas-smigħ tal-ilment.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu, Dr Martin Fenech elenka fit-tul dawk il-partijiet fil-programm li, fil-fehma tiegħu, kienu nġusti u ppreġudikaw il-każ tal-klijenta tiegħu li kien qed jinstema’ mill-Qrati tal-Ġustizzja u li kienu jmorru kontra żewġ drittijiet Kostituzzjonali tal-istess klijenta tiegħu u ċioe` il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għal smigħ xieraq. Dr Fenech sostna li fil-fehma tiegħu, il-preżentatur kien immanipula l-programm b’tali mod li direttament tefa t-tort kollu ta’ dak li kien ġara fil-każ li dwarhu kien qed isir il-programm fuq il-klijenta tiegħu.

Fis-sottomissjonijiet tal-PBS, ġew miċħuda l-allegazzjonijiet ta’ manipulazzjoni min-naħa tal-preżentatur tal-programm u ġie spjegat li l-iskop tal-programm mertu ta’ dan l-ilment kien li juri t-tbatija li tgħaddi minnha persuna li tkun għaddiet minn proċeduri penali u saħansitra skontat piena karċerarja u mbagħad jitfaċċaw provi ġodda jew suspetti raġonevoli li l-persuna tista’ tkun innoċenti.  L-istazzjon sostna wkoll li l-produtturi riedu li permezz tal-programm iħeġġu lill-Parlament biex jieħu azzjoni biex persuna bħar-raġel involut fil-każ li kien qed jiġi ttrattat, ikollha l-meżżi legali biex tnaddaf isimha.

L-istazzjon issottometta wkoll li waqt il-programm saret enfażi fuq il-fatt li waqt il-programm ma riedu jiġġudikaw lill-ħadd u l-fatt li kien qed jingħad li kien hemm persuna innoċenti ma jfissirx li xi ħaddieħor kien ħati.

Dwar il-parteċipazzjoni tat-tifla tal-klijenta ta’ Dr Fenech fil-programm, l-istazzjon ikkonferma li kienet it-tifla stess li talbet li tidher fil-programm u għalkemm saritlha intervista ta’ kważi siegħa, tħallew barra aktar minn 50 minuta, li l-kontenut tagħhom kif ingħad waqt il-programm stess “setgħu jippreġudikaw każijiet oħra li għaddejjin fil-Qorti”. Barra minnhekk l-istazzjon ikkontenda li t-tifla ma ġietx tidher, biex tiġi protetta l-identità tagħha.

Wara li semgħet u qrat is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet u wara li kienet rat ir-reġistrazzjoni tal-programm in kwistjoni, l-Awtorita` iddiskutiet fid-dettal il-punti kollha mqajma waqt it-trattazzjoni ta’ dan l-ilment u għamlet dawn il-konsiderazzjonijiet:

1. L-Awtorità filwaqt li ssostni d-dritt tal-liberta` tal-espressjoni u tad-dritt ta’ ġurnalist li jinvestiga fatti li jkun qed iseħħu bil-għan li toħroġ il-verità, dan id-dritt mhuwiex  assolut.

Il-Qorti Ewropeja għad-Drittijiet tal-Bniedem tgħid: “ Everyone has the right of the freedom of expression. This right shall include freedom to hold opinions and to receive and impart information and ideas without interference by public authority and regardless of frontiers....” 

Madankollu dan id-dritt jista’ jkun suġġett għal ċerti restrizzjonijiet “ The exercise of these freedoms, since it carries with it duties and responsibilities, may be subject to such formalities, conditions, restrictions or penalties as are prescribed by law and are necessary in a democratic society, in the interests of [.....] for the protection of the reputation or rights of others or for maintaining the authority and impartiality of the judiciary”.

2. L-Awtorità tirreleva l-fatt ukoll li wara l-istqarrija tal-Kummissjoni dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li ħarġet propju lejliet li xxandar il-programm mertu ta’ dan l-ilment, l-istess Awtorità fl-istqarrija tagħha tas-6 ta’ Ġunju 2014 dwar l-istess suġġett,  filwaqt li sostniet id-dritt li għandhom l-istazzjonijiet li jinfurmaw il-pubbliku bi ġrajjiet ta’ interess pubbliku, enfasizzat  il-ħtieġa li dawn iridu jirrispettaw ukoll il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għas-smigħ xieraq ta’ persuni involuti fi proċessi kriminali pendenti u li jirrispettaw ukoll l-integrità u l-indipendenza tal-ġudikatura. 

3. Hemm linja fina ħafna bejn l-użu tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u ksur tal-provedimenti li jirrigwardaw id-drittijiet ta’ terzi speċjalment meta dawn ikunu qegħdin għaddejin minn proċessi ġudizzjarji.

Meta eżaminat il-fatti kollha tal-każ l-Awtorità waslet għad-deċiżjoni segwenti:

Filwaqt li l-Awtorità bl-ebda mod ma trid tidħol fil-mertu tal-każ li bħalissa jinsab quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja, l-Awtorita` iddeċidiet li kien hemm biżżejjed provi li juru li l-programm mar oltre il-linja li kellu jżomm magħha.   Kummenti u anke partijiet mill-kontenut tal-programm innifsu setgħu iwasslu għall-konklużjoni tat-telespettatur dwar l-innoċenza o meno ta’ terzi persuni.   Dan imur kontra l-provvedimenti tal-Ligi Dwar ix-Xandir S.L 350.14 Para 8.9.

In vista ta’ dan issib li l-ilment imressaq mill-Avukat Dr Martin Fenech noe huwa ġustifikat, u filwaqt li titlob lill-istazzjon li fil-futur, fi programmi simili joqgħod aktar attent biex jiġu salvagwardati l-interessi ta’ persuni li ma jkunux parti mill-programm innifsu, ma tħossx li hemm lok fiċ-ċirkostanzi,  li tagħti rimedju effettiv għal dan l-ilment.

Ilum 9 ta’ Lulju, 2014