L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM dwar il-programm Xarabank li xxandar fid-9 ta’Jannar, 2015 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16L(4) tal-Att Dwar ix-Xandir meta l-istazzjon xandar caption tal-isponsers tal-programm, u numru ieħor ta’ sponsers ingħataw ħajr aktar tard fil-programm u dan meta l-programm tratta Ġrajjiet Kurrenti.
L-Awtorità semgħet kemm lil Dr Joanna Spiteri kif ukoll lis-Sur Mario Micallef li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u kif ukoll lis-Sur P.J Vassallo li deher f’isem u in rappreżentanza tal-produtturi, f’seduta li saret fit-3 ta’ Frar, 2015.
Minn naħa tiegħu s-Sur Vassallo qal li skont parir li kien ingħata fil-passat minn uffiċċjali tal-Awtorita il-programm Xarabank ma kienx jikkwalifika bħala programm li jitratta Ġrajjiet Kurrenti u għaldaqstant fuq din il-premessa, fil-każ in eżami, ma’ ħassx li kienet qed tinkiser il-liġi. Żied li in oltre skont hu d-definizzjoni ta’ x’kien jikkostitwixxi Ġrajjiet Kurrenti ma kienitx ċara u kienet tħalli spazju għall-interpretazzjoni.
Dr Spiteri irrimarkat li l-Leġislazzjoni Sussidjarja kienet tipprovdi definizzjoni ċara ta’ x’kien jikkostitwixxi Ġrajjiet Kurrenti u l-istazzjon u l-produtturi kienu konxju minn dan u fil-fatt diversi programmi fis-serje ta’ Xarabank jaderixxu mal-liġi għax huma stess jikklassifikaw dak il-programm partikolari bħala wieħed ta’ Ġrajjiet Kurrenti.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet, inkluż tal-fatt li l-Leġislazzjoni Sussidjarja (SL350.14 paragrafu 2.3.1) kienet tipprovdi definizzjoni ċara ta’ x’kien jikkostitwixxi Ġrajjiet Kurrenti u dan ma kien iħalli l-ebda lok għal interpretazzjoni kif kien qed isostni l-istazzjon fid-difiża tiegħu, u ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, madanakollu, peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ ksur f’dan il-programm qablet li kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.
Illum 18 ta’ Frar, 2015