Deċiżjoni għall-ilment imressaq minn Imperium Europa kontra PBS rigward il-programm XTRA
Permezz ta’ ilment datat 23 t’April 2024, is-Segretarju Ġenerali ta’ Imperium Europa (IE), is-Sur Josiah Vella, lmenta dwar il-programm XTRA tat-22 ta’ April 2024. Fil-komunikazzjoni tiegħu hu qal li l-partit kien mistieden jagħmel introduzzjoni ta’ 10 minuti li mid-9 minuti u nofs li damet, il-parteċipant tħalla jitkellem biss għal 5 minuti u 6 sekondi. Qal ukoll li l-preżentatur lissen dawn il-kliem “L-għanijiet tagħkom kontroversjali għall-mainstream”, “Il-Facebook tagħkom juri messaġġ li l-kontenut perikoluż” u “Il-Wikipedia tiddeskrivikom bħala neofaxxisti u tassoċjakom ma' Adolf Hitler”. Qal ukoll li fost kummenti oħra, l-preżentatur Saviour Balzan semma li “il-Kap tagħkom Norman Lowell huwa kkulurit u kontroversjali u xi kultant jew ħafna drabi jiżgarra mhux ħażin”, "jiena kieku ma esperjenzajtx at first hand il-mibegħda li toħroġ minn ħalq Norman lowell" u "Il-fundatur tagħkom ipoġġi lil Hitler fuq pedestall".
Għal dawn ir-raġunijiet hu lmenta li:
(i) l-istazzjon PBS ma osservax l-obbligi tiegħu li jistieden lil kulħadd saż-żmien tal-ilment uffiċjali, (ii) fl-istedina tiegħu, l-istazzjon xorta waħda ma rrispettax ir-rekwiżiti tal-liġi tax-xandir u dan peress li nnega l-opportunita’ li partit żgħir jiddjaloga ma’ partiti li għandhom rappreżentanti fil-parlament Ewropew u li allura jridu jikkunstrastaw il-veduti ta’ xulxin, (iii) li l-format allokat għal Imperium Europa u partit żgħar oħra kien differenti minn dak li jgawdu l-partit fil-Gvern u dak fl-oppożizzjoni, fejn id-djalogu jkun bejniethom u mhux biss mal-preżentatur, (iv) li l-ħin allokat kien qasira wisq sabiex partit politiku jwassal il-messaġġ politiku tiegħu b’opportunita’ bilanċjata għal dik mogħtija lill-partit fil-gvern u dak fl-oppożizzjoni, (v) li l-ħin allokat ma kienx wieħed ġustifikat inkwantu l-fatt li Imperium Europa, kif stqarr il-preżentatur stess, sab l-appoġġ ta’ madwar 3% fl-aħħar elezzjoni. Minkejja dan, xorta waħda ġie mogħti l-istess ħin daqs partit iżgħar, (vi) li l-preżentatur ma nterrompiex bl-istess mod u anqas ma’ ħallat il-mistoqsijiet mal-opinjoni personali, korrusiva, diżilluża u ta’ aġenda ċara fil-mistoqsijiet li saqsa lil partiti oħra, (vii) li l-produzzjoni ħadet żball kardinali fid-deskrizzjoni tal-parteċipant, li mhux kandidat tal-partit, (viii) li mill-istedina ta’ 10 minuti dwar “introduzzjoni”, l-preżentatur interrompa kontiwament u ħalla biss 5 minuti u 6 sekondi għall-parteċipant, u (ix) li mill-istedina ta’ 10 minuti, il-preżentatur waħħal lill-parteċipant għal iżjed minn 4 minuti fuq tema ta’ storja u baqa’ jinterrompi s-segwitu feliċi tat-telespettatur li għandu kull dritt jisma’ messaġġ li partit politiku kien mistieden sabiex iwassal.
Għas-seduta tad-29 t’April 2024, dehru s-Sur Charles Sammut, teżorier tal-partit Imperium Europa, assistit mill-Avukat Emmy Bezzina. Dehru wkoll l-Inġ. Charles Dalli assistit mill-Avukat Mark Vassallo.
Is-Sur Charles Sammut qal li l-partit ġie notifikat b’WhatsApp għal introduzzjoni fuq il-programm XTRA u li hu stess attenda għal din id-diskussjoni li kellha t-tul 10 minuti. Hu lmenta li minn dawn l-10 minuti hu tħalla jitkellem għal nofs il-ħin, cioè għal 5 minuti, biex primarjament iwieġeb dwar Hitler u l-mistoqsijiet magħżula minn Saviour Balzan. Qal li matul il-ħin kollu kien qed jiġi nterrott u li l-preżentatur ma ħalliex diskussjoni meta beda jwieġeb għall-mistoqsijiet tiegħu stess billi jitfa’ l-kliem f’ħalq il-parteċipant. Qal ukoll li hu ġie definit ukoll bħala kandidat meta dan ma kienx korrett.
Dr Emmy Bezzina qal li l-konduttur ta’ programm għandu kull dritt jagħżel il-mistoqsijiet iżda ma jistax jimmonopolizza fuqu u jelabora fuq dak li suppost qed jgħid il-parteċipant. Ikkonkluda għalhekk li Imperium Europa ma ngħatax smigħ xieraq speċjalment meta l-preżentatur waqqa’ kollox b’dak li semma’ dwar Hitler u l-konnessjonijiet tiegħu mal-partit Imperium Europa. Hu talab rimedju għall-ħin mitluf mill-opportunità li l-partit ingħata biex ixandar il-messaġġ tiegħu.
Dr Mark Vassallo qal li fi programmi ta’ ġrajjiet kurrenti wieħed jiġi mistieden biex iwieġeb il-mistoqsijiet. Qal li l-preżentatur għandu l-moħħ tiegħu u allura għandu opinjoni li tista’ tkun ta’ natura kontroversjali. Kompla billi semma deċiżjonijiet tal-Awtorità Ngliża l-għaliex skont hu l-liġi Maltija għandha ħafna similarità ma’ dik Ingliża. Qal li kif beda, il-preżentatur Saviour Balzan semma diversi affarijiet. Semma wkoll li meta wieħed jidħol fil-facebook page ta’ Imperium Europa, dan isib ċanfira dwar il-kontenut u meta jżur wikipedia, jsib li d-deskrizzjoni ta’ Imperium Europa hija li hu partit neonażista.
Dr Emmy Bezzina wieġeb li l-punt li qed jagħmel is-Sur Charles Sammut huwa li hu ġie mmanipulat mill-preżentatur fuq it-tema li trid tiġi diskussa u li min ikun mistieden irid jingħata l-opportunità li jwieġeb.
F’dan l-istadju ċ-Chairperson ikkummenta li l-preżentatur daħħal lill-parteċipant fi sqaq u li dan ma għarafx joħroġ minnu. Qal li kien mistenni li persuna li tattendi programm tat-tip se tkun qed tiġi mistoqsija fuq temi diversi u li trid tagħraf kif se twieġeb dan.
Meta l-partijiet telqu mis-seduta, l-Bord iddiskuta dan l-ilment.
Il-Bord irrefera għat-traskrizzjoni tal-programm u nnota li filwaqt li kien il-preżentatur li semma lil Hitler l-ewwel, il-parteċipant innifsu reġa’ għamel referenza għalih minn jeddu minkejja l-fatt li l-preżentatur semma diversi suġġetti fl-introduzzjoni tiegħu. Il-Bord qabel mar-rimarka taċ-Chairperson u ma laqax l-ilment.
2 ta’ Mejju 2024
Smigħ 05/2024 Numru 7
Ref: 23/24