TVM2 - Lifestyle & CO - 28 ta’ Settembru u l-1 t’Ottubru, 2015




L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM2 dwar l-edizzjonijiet tal-programm Lifestyle & Co. li xxandru fit-28 ta’ Settembru u fl-1 t’Ottubru 2015 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 4 tat-Tielet skeda tal-Att dwar ix-Xandir u Artiklu 16M(2) tal-Att dwar ix-Xandir meta fil-programm tat-28 ta’ Settembru kien hemm assoċjazzjoni bejn il-kontenut informattiv u r-reklam filwaqt li fil-programm tal-1 t’Ottubru kien hemm product placement meta ma kienx permissibbli.

L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Mario Micallef f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u kif ukoll lis-Sur Byon Jo Zammit għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fit-3 ta’ Novembru, 2015, li minn naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża qal li din kienet produzzjoni ġdida u n-nuqqasijiet kienu primarjament attribwibbli għal żbalji fl-ewwel ġimgħa tal-iskeda. Żied li hekk kif inġibdet l-attenzjoni tal-istazzjon kienu ttieħdu l-miżuri neċessarji sabiex il-programm jikkonforma mar-regolamenti viġenti.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata madanakollu in vista tal-fatt li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ tali ksur f’dan il-programm, iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.

Illum 20 ta’ Novembru, 2015