TVM2 - Puttinu Football Marathon - 13-15 Settembru 2019




Deċiżjoni dwar l-Akkuża fil-konfront ta’ TVM 2
rigward il-Puttinu Football Marathon
li xxandret mit-13 sal-15 ta’ Settembru, 2019

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM2 rigward il-Puttinu Football Marathon li xxandret mit-13 sal-15 ta’ Settembru, 2019, fejn ġie allegat ksur tal-provvedimenti tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.15 - Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar is-Sehem ta’ Nies bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir in partikolari ta’ paragrafi 4.1.10 (ii) li jaqra:

“m’għandha ssir l-ebda seduta li tgħarbel fil-każ ta’ tfal ta’ taħt it-tliet snin. Fil-każ li tfal ta’ taħt it-tliet snin jidhru fuq it-televiżjoni, wiċċ dawk it-tfal għandu jiġi kollu kemm hu mgħotti biex it-tfal ma jkunx jistgħu jiġu identifikati”

u paragrafu 4.1.7 li jaqra:

“L-istazzjon għandu jiżgura li meta tfal li jbatu minn xi tip ta’ problema jkunu ser jieħdu sehem fi programm, għandha tiġi kkuntattjata l-Aġenzija Appoġġ jew kull aġenzija speċjalizzata oħra awtoritizzata mill-Awtorita sabiex tagħti l-approvazzjoni tagħha biex dik il-persuna vulnerabbli li tkun minuri tieħu sehem"

Fl-akkuża ġie rilevat illi matul it-trażmissjonijiet in kwistjoni xxandru istanzi fejn dehru tfal li kienu taħt it-tliet snin u dawn ma dehrux b’wiċċhom mgħotti (blurred); u kif ukoll kien hemm istanzi meta dehru tfal minorenni mingħajr ma’ sar rapport mill-Aġenzija Appoġġ ai termini tal-istess provvedimenti tal-Leġislazzjoni Sussidjarja.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Frans Lia f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fis-27 ta’ Novembru, 2019, li minn naħa tiegħu filwaqt li ammetta l-akkuża irrileva illi l-produzzjoni ta’ din it-trażmissjoni ma’ kienitx f’idejn l-istazzjon iżda f’idejn l-organizzaturi (Puttinu Cares Foundation). Żied li f’dan il-każ l-istazzjon kien ġibed l-attenzjoni tal-produtturi għar-regolamenti. Is-Sur Lia qal li l-istazzjon f’dan il-każ ipprovda l-cameras u xandar il-kontenut li rċieva.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet inkluż l-ammissjoni tal-istazzjon u kif ukoll tal-fatt li l-kontroll effettiv fuq il-kontenut ma kienx f’idejn l-istazzjon. L-Awtorità saħqet li minkejja dan kollu r-responsabbiltà aħħarija tal-kontenut kienet legalment tappartjeni lill-istazzjon li fl-ebda ċirkostanza u bl-ebda mod ma setgħa u/jew kellu jabdika minnha. L-Awtorità fakkret li l-provvediment fil-Leġislazzjoni Sussidjarja ċitata kellhom l-objettiv li jipproteġu lill-persuni bla ħarsien xieraq u għalhekk in vista ta’ dan l-Awtorità ddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata u qablet li kellha timponi l-penali relattiva fl-ammont ta’ €2330 liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.

Illum it-3 ta’ Diċembru, 2019