TVM2 - Xift - 8 ta’ Marzu, 2018




Deċiżjoni dwar Akkuża fil-Konfront ta’ TVM2 rigward il-programm Xift li xxandar fit-8 ta’ Marzu, 2018

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ TVM2 dwar l-edizzjoni tal-programm Xift li xxandar fit-8 ta’ Marzu, 2018 fejn ġie allegat ksur ta’ Artiklu 16K(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt dan il-programm ixxandret rokna informattiva mal-make-up artist Antonella Mizzi li fiha l-mistiedna tat informazzjoni dwar il-concealer. Il-programm kompla b’ringrazzjamenti lill-isponsors fejn intqal “make-up by Antonella” u sussegwentament b’waqfa għar-reklami. F’din is-sensiela ta’ reklami, ixxandar reklam ta’ make-up by Antonella li fih dehret propju l-istess Antonella Mizzi. Ta’ min jirrimarka wkoll li Antonella Mizzi hija waħda mill-isponsors prinċipali tal-programm Xift.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lis-Sur Mario Micalleff li deher f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon u li kien akkumpanjata mis-Sur Jean Claude Micallef għall-produzzjoni, f’seduta li nżammet fit-2 ta’ Mejju, 2018.

Minn naħa tiegħu s-Sur Jean Claude Micallef qal li wara li kienet diġà nġibdet l-attenzjoni tal-istazzjon dan kien ħa l-miżuri biex jirrettifika n-nuqqas madanakollu jidher li wara ftit żmien dan in-nuqqas irrepeta ruħu. Żied li dan il-każ kien attribwit għall-fatt li l-presentation officer tal-istazzjon irid ilaħħaq ma’ żewġ trażmisjonijiet kontemporanjament, sitwazzjoni xejn feliċi u li setgħet toħloq problemi kif fil-fatt ġara.

Is-Sur Jean Claude Micallef talab l-intervent tal-Awtorità biex l-istazzjon jindirizza din is-sitwazzjoni.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni minn naħa tal-istazzjon u l-fatt li minkejja li kienet inġibdet l-attenzjoni sussegwentement in-nuqqas reġa’ rrepeta ruħu u qablet li kellha timponi l-penali ridotta ta’ €1750 liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika u fin-nuqqas ta’ dan l-Awtorità kienet ser tipproċedi legalment kontra l-istazzjon mingħajr avviż ieħor.

Illum id-9 ta’ Mejju, 2018