Ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Limited dwar żewġ rapporti li xxandru fil-bulettin tal-aħbarijiet ta’ TVM tat-12 ta’ Novembru 2020.
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Limited rigward żewġ rapporti li xxandru fil-bulettin tat-12 ta’ Novembru, 2020.
F’korrispondenza datata 12 ta’ Novembru u indirizzata lill-PBS, il-Partit Nazzjonalista ilmenta għall-fatt li TVM ma trattax kif jixraq żewġ items ta’ importanza fil-bulettin tal-aħbarijiet tat-12 ta’ Novembru. Dawn kienu jirrigwardjaw il-ħatra tal-Membru Parlamentari Ewropew Dr Roberta Metsola bħala l-ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew kif ukoll l-item dwar il-konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Dr Bernard Grech f’Għawdex. Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li l-aħbar ta’ Dr Roberta Metsola xxandret bħala t-tlettax-il item u lanqas ma kien hemm intervista ma’ Dr Roberta Metsola. F’din il-korrispondenza wkoll sar ilment għar-rapport dwar il-konferenza tal-aħbarijiet li ingħatat mill-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Bernard Grech minħabba li dan ir-rapport kien wieħed fqir minħabba li ma rrapurtax l-impenji u ż-żjarat li l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu f’Għawdex. Il-Partit Nazzjonalista qal li dak li seħħ kien kollu bi ksur tal-provvedimenti fuq il-ħtieġa li l-aħbarijiet jingħataw b’mod oġġettiv u b’imparzjalita stretta u dan skont il-Provvedimenti tal-Artikolu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar ix-Xandir kif ukoll il-Provvedimenti tal-Leġislazzjoni Sussidjarjaja 350.14.
L-Awtorità semgħet virtwalment lil Dr Francis Żammit Dimech u lil Dr Karol Aquilina li dehru għall-Partit Nazzjonalista u lis-Sinjura Norma Saliba li kienet akkumpanjata mill-avukat tal-PBS Ltd, Dr Mark Vassallo f’seduta li inżammet fit-30 ta’ Novembru 2020.
Min-naħa tiegħu Dr Żammit Dimech ressaq il-każ u qal li r-rapport dwar il-ħatra ta’ Dr Roberta Metsola bħala Viċi President tal-Parlament Ewropew ġiet impoġġija ‘l isfel fl-ordni tal-aħbarjiet. Qal li kien hemm items ta’ inqas importanza u li ġew irrapurtati qabel din l-istorja. Dr Zammit Dimech qal li din l-istorja kienet ta’ importanza kbira għaliex din kienet l-ewwel Maltija f’din il-ħatra li hija it-tieni l-ogħla kariga fil-Parlament Ewropew. Kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalsita ilmenta minħabba li l-coverage ma kienx jagħmel ġustizzja ma’ din il-ħatra u l-kariga l-ġdida.
Fir-rigward tat-tieni parti tal-ilment li kien jitratta r-rapurtaġġ tal-konferenza tal-aħbarijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni li ta f’Għawdex, Dr Żammit Dimech qal li f’dan il-każ mhux biss l-ordni ma kinitx ġusta imma anke l-kontenut tar-rapport innifsu ma kienx jagħmel ħaqq mal-attivitajiet li kellu Dr Bernard Grech f’Għawdex. Qal li l-PBS imkien ma ta coverage għaż-żjarat li għamel Dr Bernard Grech waqt li kien f’Għawdex.
Dr Żammit Dimech qal li dan kollu sar bi ksur tal-provvediment li l-aħbarijiet iridu jingħataw b’mod oġġettiv u b’imparzjalita u għalhekk kien hemm ksur tal-provvediment ta’ Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u d-diżpozzjonijiet tal-Att dwar ix-Xandir u l-provvedimenti mogħtija fil-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14.
Għall-PBS, is-Sinjura Saliba wieġbet li fir-rigward tal-ħatra ta’ Dr Roberta Metsola bħala Viċi President tal-Parlament Ewropew, hija kienet ippjanat li din l-avveniment tkun maqsuma fuq jumejn. Qalet li fil-fatt din l-aħbar kompliet tiġi rrapurtata l-għada fil-bulettin kif ukoll l-istess Dr Roberta Metsola ġiet mistiedna waqt il-progrmam TVAM tal-għada 13 ta’ Novembru 2020.
Rigward it-tieni parti tal-ilment is-Sinjura Saliba qalet fir-rigward tar-rapurtaġġ tal-konferenza tal-aħbarijiet mogħtija minn Dr Bernard Grech f’Għawdex, il-PBS kien irraporta dak li kienet qed tintalab mill-press call maħruġa mit-taqsima tal-kommunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista. Qalet li l-PBS kien infurmat li kienet ser issir konferenza tal-aħbarijiet f’Għawdex mill-Kap tal-Oppożizzjoni iżda ma kinux infurmati, li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien se jkollu xi impenji jew żjajjar oħra f’Għawdex.
Fuq dan il-punt Dr Karol Aquilina, li kien qed jirrapreżenta lill-Partit Nazzjonalista qal li minbarra l-press call, il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija fejn semma l-impenji u ż-żjarat li kellu l-Kap tal-Oppożizzjoni iżda l-PBS għażel biss li jirraporta l-konferenza tal-aħbarijiet. Is-Sinjura Saliba qalet li l-PBS fl-ebda ħin ma kien infurmat b’dawn l-impenji li setgħu ġew ikkaverjati faċilment minħabba li kien hemm crew tal-PBS f’Għawdex f’dik il-ġurnata.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet rat id-dokumentazzjoni u dak li xxandar fil-bulettin tal-aħbarijiet tat-12 ta’ Novembru 2020, l-Awtorità qablet li l-ilment rigward ir-rapport tal-konferenza tal-aħbarijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista li saret f’Għawdex, ma kellux jiġi milqugħ għaliex dan kien riżultat ta’ nuqqas ta’ kjarezza bejn iż-żewġ partijiet. Kien jidher li kien hemm ukoll nuqqas ta’ kif żjajjar u l-impenji l-oħra f’Għawdex ġew ikkomunikati min-naħa tal-Uffiċju tal-Kommunikazzjoni tal-Partit Nazzjonalista lill-media u għaldaqstant il-PBS ma setax jinstab ħati ta’ dan.
Fir-rigward tar-rapport dwar il-ħatra ta’ Dr Roberta Metsola bħala Viċi President tal-Parlament Ewropew, l-Awtorità qablet li l-istazzjon ma jistax jinstab ħati fuq issue ta’ sustanza jew kontenut per se u tal-mod kif ġiet irrapurtata, iżda l-Awtorità tiġbed l-attenzjoni lill-istazzjon li f’każijiet bħal dawn, dawn it-tip ta’ rapporti għandhom jingħataw l-importanza u l-attenzjoni xierqa fir-running order tal-bulettin.
14 ta’ Diċembru 2020