TVM-Aħbarijiet - 23 ta' Novembru 2020




 

Ilment minn Dr Jason Azzopardi rigward il-bulettin tal-aħbarijiet ta’ TVM li xxandar fit-23 ta’ Novembru 2020.

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment minn Dr Jason Azzopardi kontra PBS Ltd rigward item fl-aħbarijiet ta’ TVM tat-23 ta’ Novembru 2020.

F’korrispondenza datata 23 ta’ Novembru 2020 u indirizzata lill-PBS, Dr Jason Azzopardi ilmenta li fit-titlu ta’ aħbar dwar digriet li ingħata mill-Qorti intqal li l-Qorti kienet wissietu.  Dr Azzopardi ilmenta li dan ma kienx rapport fidil u korrett tad-digriet maħruġ mill-Qorti minħabba li fid-digriet ma kienx hemm l-ebda twissija fil-konfront tiegħu u lil hinn li ma kienx korrett ir-rapportaġġ, l-enfazi sar fuq elementi periferali għall-iskop tad-digriet . Għaldaqstant Dr Azzopardi kien talab rimedju immedjat u effettiv fid-dawl tar-rapport li xxandar fil-bulettin tal-aħbarijiet tat-8pm.

L-Awtorità semgħet virtwalment lil Dr Jason Azzopardi li ppreżenta l-każ tiegħu, u lis-Sinjura Norma Saliba li kienet akkumpanjata mill-avukat tal-PBS Ltd, Dr Mark Vassallo f’seduta li inżammet fil-21 ta’ Diċembru 2020.

Dr Jason Azzopardi ilmenta li fit-titlu ta’ aħbar dwar digriet li ingħata mill-Qorti ġie rrapurtat mill-PBS li l-Qorti kienet wissietu.  Huwa qal li dan l-istess kliem kien deher ukoll fin-news portal ta’ TVM fuq rapport li deher online. Dr Jason Azzopardi qal li dan ma kienx rapport fidil, korrett u veritier tad-digriet maħruġ mill-Qorti u tant li fi tmintax-il paġna ma kien hemm l-ebda twissija.  Dr Azzopardi qal li filwaqt li l-PBS ħass li dan id-digriet tal-Qorti kien ta’ news value għaliex ġie rrapurtat fl-aħbarijiet iżda r-rapport ta’ dan id-digriet ma kienx korrett fil-konfront tiegħu.  L-istess ġara fuq ir-rapurtaġġ online fuq il-web portal tal-PBS.

Dr Azzopardi spjega li wara l-ilment tiegħu mal-istazzjon saret il-korrezzjoni fuq ir-rapport online iżda din il-korrezzjoni ma saritx fil-bulettin tal-aħbarijiet tat-8pm ta’ TVM. Huwa ilmenta minħabba li l-udjenza ta’ TVM baqgħu tat-tmienja ta’ fil-għaxija, l-akbar udjenza għall-aħbarijiet, baqgħet b’informazzjoni żbaljata ta’ dak li xxandar fil-bulettin tal-aħbarijiet tal-ġurnata ta’ qabel, jiġifieri tat-23 ta’ Novembru. Dr Azzopardi saħaq li l-fatt li kien hemm korrezzjoni fuq l-online, fiha innifisha kienet ammissjoni min-naħa tal-istazzjon li kellhom żball.

 Għall-PBS is-Sinjura Norma Saliba kkonfermat li kienu rranġaw il-kelma ‘imwissi’ fuq ir-rapport online immedjatament u wara saret korrezzjoni fl-aġġornament tal-aħbarijiet tal-11pm u fl-opinjoni tal -istazzjon ir-rimedju kien ingħata lil Dr Azzopardi.  Is-Sinjura Norma Saliba spjegat ukoll li t-titlu tat-televiżjoni waqt il-bulettin tal-aħbarijiet kien sar b’dak il-mod ukoll minħabba li hemm limitu għat-tul filwaqt li din il-limitazzjoni ma teżistix għall-website.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet rat id-dokumentazzjoni u dak li xxandar fil-bulettin tal-aħbarijiet tat-23 ta’ Novembru 2020, l-Awtorità qablet li filwaqt li tifhem li r-rapurtaġġ ma kienx fidil anke għaliex il-fatt li l-ġurnalist interpreta li l-kunċett ta’ kawtela bħala twissija ħaġa għal kollox differenti, l-Awtorità tħoss li dan l-ilment għandu jiġi milqugħ u tiddikjara li t-titlu tar-rapport tal-aħbarijiet tad-digriet tal-Qorti imxandar fit-23 ta’ Novembru 2020 ma kienx korrett u ġust fil-konfront ta’ Dr. Jason Azzopardi. Tiddikjara iżda li thoss li din id-deċizjoni hija rimedju fiha inifisha.  Fid-dawl ta’ dan, iżda l-Awtorità qed tagħti ċanfira lill-PBS u titlob lill-kamra tal-aħbarijietsabiex tingħata attenzjoni xierqa u retta għal rapurtaġġ biex kull rapurtaġġ ikun veritier u jqarreb mal-fatti.  L-Awtorità teżiġi f’kull rapurtaġġ ma jkunx hemm interpretazzjoni tal-fatti u dan biex il-bulettin jibqa’ jinżamm imparzjali, veritier u mibni fuq l-akkuratezza.

 

5 ta’ Jannar 2021