TVM-Konferenza tal-Aħbarijiet - 16 ta' Ottubru 2020




Ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Limited dwar konferenza tal-aħbarijiet li ġiet indirizzata mill-Prim Ministru u li xxandret fuq TVM fis-16 ta’ Ottubru 2020

 

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Ltd  fir-rigward ta’ xandira ta’ konferenza tal-aħbarijiet li xxandret fis-16 ta’ Ottubru 2020, liema konferenza kienet indirizzata fost l-oħrajn mill-Prim Ministru Dr Robert Abela.

F’korrispondenza datata 19 ta’ Ottubru 2020, il-Partit Nazzjonalista ilmenta li waqt konferenza tal-aħbarijiet li xxandret b’mod dirett fuq TVM nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Ottubru din il-konferenza ma kinitx limitata għal informazzjoni dwar l-imxija tal-Coronavirus. Il-Partit Nazzjonalista ilmenta li waqt din il-konferenza, l-Prim Ministru għadda diversi kummenti politiċi u ftaħar dwar kif il-Gvern mexa waqt l-imxija tal-Coronvirus f’pajjiżna.  Il-Partit Nazzjonalista qal li waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru ddeskriva s-sitwazzjoni bħala “taħt kontroll” u l-Partit Nazzjonalista semma wkoll li “hawn f’pajjiżna min irid li jsallab eluf ta’ persuni billi jitilfu x-xogħol tagħhom u jkisser l-ekonomija ta’ pajjiżna, forsi mhux b’daqqiet frontali imma manuvri fini li jipparalizzaw pajjiż biex mingħalih ma jidhirx li qed jagħmel hekk”.

L-Awtorità semgħet virtwalment lil Dr Karol Aquilina li deher għall-Partit Nazzjonalista u lis-Sinjura Norma Saliba li kienet akkumpanjata mill-avukat tal-PBS Ltd, Dr Mark Vassallo f’seduta li inżammet fit-28 ta’ Ottubru 2020.

Min-naħa tiegħu Dr Karol Aquilina għall-Partit Nazzjonalista beda s-sottomissjoni tiegħu billi qal li matul din il-konferenza tal-aħarijiet li xxandret fis-16 ta’ Ottubru kien hemm numru ta’ suġġetti fosthom Brexit, immigrazzjoni irregolari, minbarra l-miżuri ekonomiċi relatati mal-Covid. Dr Aquilina qal li f’waqtiet minnhom il-Prim Ministru għadda numru ta’ kummenti politiċi dwar suġġetti ta’ natura kontroversjali.

Dr Aquilina rrimarka li kien qed jirreferi għall-kummenti li saru waqt id-diskors tal-Prim Ministru u mhux waqt it-tweġibiet tal-mistoqsijiet tal-ġurnalisti għaliex Dr Aquilina qal li f’dak il-ħin tat-tweġibiet kien hemm aktar kummenti politiċi li iżda ma kinux ġew imxandra mill-PBS.

Dr Aquilina jħoss li l-kelliem kien qed jaqbeż il-limitu u minn suppost informazzjoni qed jgħaddi kummenti politiċi. Qal li kien qed ikun hemm taħlit ta’ xandir ta’ informazzjoni ma’ elementi b’kummenti politiċi u għalhekk il-Partit Nazzjonalista kien qed jitlob rimedju effettiv.

Is-Sinjura Norma Saliba għall-PBS  qalet li f’din il-konferenza tal-aħbarijiet tħabbru miżuri ġodda relatati mal-Covid-19 u kienet taħt ir-responsabbiltà tal-Prim Ministru tal-pajjiż jħabbar x’miżuri kienu ser jittieħdu rigward l-imxija tal-Coronavirus kif fil-fatt jiġri f’pajjiżi barranin. Qalet li jekk ma jagħmilx hekk, il-PBS li jkun qed jonqos mill-obbligu tiegħu ta’ xandir pubbliku.

Is-Sinjura Saliba fakkret li fl-istess ġurnata meta xxandret il-konferenza tal-aħbarijiet, TVM xandar news item fil-bulettin tiegħu fejn ġie rrapurtat dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni b’rabta mal-Covid-19 u ġie rrapurtat ukoll “fedelment” dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament dwar l-istess materja.

Dr Karol Aquilina rribatta li madanakollu wieħed irid jagħraf li hemm distinzjoni bejn xandira diretta u rapurtaġġ tal-aħbarijiet. Fakkar ukoll li sunt ta’ dak li intqal mill-Prim Ministru fil-konferenza tal-aħbarijiet ġiet ukoll imxandra fl-istess bulettin wara li xxandret b’mod dirett il-konferenza tal-aħbarijiet. Qal li filwaqt li jifhem dment li l-PBS ġaladarba ġie ordnat mill-Prim Ministru biex iwassal din ix-xandira, iżda qal li fil-mument li saru kummenti politiċi, il-PBS kellu jirrimedja s-sitwazzjoni minħabba li inħoloq nuqqas ta’ imparzjalità.  

Dr Mark Vassallo li deher għall-PBS irrimarka fuq it-talba tal-Partit Nazzjonalista li kien qed jitlob għal rimedju u rrimarka li l-PBS ta coverage lill-Kap tal-Oppożizzjoni f’partijiet oħra mit-trasmissjoni tiegħu.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat id-dokumentazzjoni ta’ dak li xxandar fis-16 ta’ Ottubru 2020 fuq TVM. L-Awtorità rat ukoll li xi żbilanċ li seta’ kien hemm, kien qed jiġi indirizzat b’rapurtaġġ ieħor partikolarment b’rapurtaġġ fil-bulettin tal-aħbarijiet tal-istess ġurnata li saret il-konferenza stampa, u li kien jitratta il-pjan tal-Oppożizzjoni fir-rigward tal-Covid-19.

L-Awtorità tagħraf li hija l-funzjoni tiegħu bħala Prim Ministru u Kap tal-Gvern li tagħtih ir-responsabbiltà li jagħti informazzjoni dwar dak li qed jiġri. Għaldaqstant l-Awtorità tħoss li f’ċirkostanzi bħal dawn huwa l-obbligu tal-Prim Ministru bħala Kap tal-Gvern biex jinforma lin-nazzjon b’dak li jkun għaddej u/jew b’miżuri ġodda li jkunu se jiddaħħlu kif seħħ f’dan il-każ.  

L-Awtorità tħoss li l-kummenti politiċi f’din il-konferenza tal-aħbarijiet waqt id-diskors tal-Prim Ministru kienu minimi fl-isfond tal-informazzjoni li ingħatat. Għaldaqstant fl-isfond ta’ dan l-Awtorità mhijiex qed tilqa’ l-ilment u mhemmx lok li jingħata rimedju.

 

10 ta’ Novembru 2020