TVM - Mustaċċuni - 8 ta' Ottubru 2021




Deċiżjoni rigward ilment mis-Sur Mark Amaira dwar il-programm Mustaċċuni li xxandar fuq TVM fit-8 ta’ Ottubru 2021

 

L-Awtorità kellha quddiemha lment imressaq mis-Sur Mark Amaira datat 8 ta’ Ottubru 2021  rigward il-programm Mustaċċuni li xxandar dakinhar stess fuq TVM.  Is-Sur Amaira lmenta li waqt il-programm għall-ħabta tad-21:15 għal għarrieda u mingħajr avviż, il-preżentatur staqsa lill-parteċipanti tal-programm mistoqsijiet b’lingwaġġ li mhux xieraq u li mhux immirat għall-familja kollha u dan imur kontra l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.18 – Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar Wiri u s-Smigħ ta’ Programmi għall-Familja.

L-Awtorità semgħet b’mod virtwali lis-Sur Mark Amaira u lis-Sinjura Norma Saliba, Dr Mark Vassallo f’isem u in rappreżentanza ta’ PBS Ltd u lis-Sur Ray Calleja bħala l-produttur u wieħed mill-preżentatur tal-programm Mustaċċuni f’seduta li nżammet fil-25 ta’ Ottubru 2021.

Is-Sur Amaira qal li dan kien programm immirat għall-familja u kien għalhekk li ħassu offiż aktar u aktar fil-preżenza miegħu tal-minuri meta għal għarrieda xxandar lingwaġġ li mhux xieraq. Qal li l-istazzjon naqas fuq żewġ punti; l-ewwel nett minħabba li dan il-lingwaġġ ma xxandarx wara l-watershed u t-tieni punt kien li l-istazzjon naqas milli jtella’ xi forma ta’ grafika bħal avviż waqt il-programm. Is-Sur Amaira waqt is-seduta rrefera wkoll għat-tweġiba tal-PBS  fil-konfront ta’ dan l-ilment u qal li minkejja li wieħed jista’ jsib il-kelma li ntużat fid-dizzjunajru qal li din il-kelma mhijiex f’postha fuq ix-xandir aktar u aktar waqt programm immirat għall-familja u mingħajr ma jkun hemm l-ebda avviż.  Is-Sur Amaira spjega li kienet il-mistoqsija b’mod sħiħ li ma kinitx xierqa waqt programm bħal dan u mhux sempliċiment kelma waħda.

Min-naħa tiegħu s-Sur Ray Calleja li huwa l-produttur u wieħed mill-preżentaturi tal-programm Mustaċċuni qal li din hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni u wara diskussjoni interna u wara parir mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-produtturi ħassew li din il-kelma setgħet tintuża minħabba li l-interpretazzjoni għaliha kienet suġġettiva u ma ħassewx li din kienet se toffendi lil xi ħadd. Is-Sur Calleja qal li l-intenzjoni tal-mistoqsija kienet li tkun umoristika fi programm ta’ divertiment.

Għan-nom u in rappreżentanza tal-PBS Ltd, Dr Mark Vassallo rrefera għal sitwazzjonijiet simili f’pajjiżi oħra u qal li r-regolatur tax-xandir Ingliż, l-OFCOM minn żmien għal żmien tagħmel rapport dwar elenku ta’ kliem li jistgħu jkunu potenzjalment inaċċettabli qabel il-watershed. Qal li din il-lista ta’ kliem inbidlet matul is-snin biex tirrifletti t-tibdil anke fil-mentalità matul iż-żmien.

L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u qablet li l-ilment kellu jintlaqa’ peress li l-preżentatur seta’ jantiċipa li se jkun hemm użu ta’ kliem li seta’ jitqies mit-telespetatturi bħala mhux xieraq. L-istazzjon kellu l-obbligu u d-diliġenza li jxandar l-avviż prekawzjonarju maħsub ukoll fil-liġi tax-xandir biex jinforma lit-telespetattur b’dan. Barra minn hekk l-istazzjon jaf ben tajjeb li kontenut li seta’ jitqies bħala kontenut immirat għall-adulti seta’ jixxandar wara d-21.30 hekk kif jitlob il-provvediment tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 350.18.

Għaldaqstant l-Awtorità tesiġi li b’mod immedjat tixxandar it-tabella ta’ klassifikazzjoni f’każ li jkun antiċipat użu ta’ kliem mhux xieraq u kif direġut aktar qabel mill-Awtorità jixxandar ukoll l-avviż ta’ content descriptors hekk kif ġew introdotti bil-liġi l-ġdida tal-AVMS (Audio Visual Media Services Directive).

 

29 ta’ Ottubru 2021