TVM-Nuqqas ta' Xandir Live- 7 ta' Ottubru 2020




Ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Limited dwar nuqqas ta’ xandira live tal-ħatra ta’ Dr Bernard Grech bħala Kap tal-Oppożizzjoni li seħħet fis-7 ta’ Ottubru 2020

L-Awtorità kellha quddiemha ilment mill-Partit Nazzjonalista kontra PBS Limited rigward in-nuqqas ta’ xandira live tal-għoti tal-ġurament ta’ Dr Bernard Grech bħala Kap tal-Oppożizzjoni li seħħet fis-7 ta’ Ottubru 2020. 

F’korrispondenza datata 8 ta’ Ottubru 2020, il-Partit Nazzjonalista ilmenta għall-fatt li TVM ma xandrux permezz ta’ xandira live l-ħatra tal-ġurament tal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech. Il-Partit Nazzjonalista qal illi fil-każ tal-Kap tal-Oppoiżizzjoni, TVM xandar biss servizz fil-bulettini tal-aħbarijiet. 

Fl-istess korrispondenza l-Partit Nazzjonalista ġibed l-attenzjoni li filwaqt li TVM xandar b’xandira live l-ħatra tal-Prim Ministru Dr Robert Abela u ċ-ċerimonja kollha, madanakollu TVM ma għamilx l-istess għall-Kap tal-Oppożizzjoni minkejja li t-tnejn huma ħatriet kostituzzjonali. Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista ilmenta li konsegwenza t’hekk il-PBS mexa b’mod parzjali u naqas ukoll milli jiżgura li faċilitajiet u ħin ta’ xandir ikunu maqsuma b’mod xieraq bejn persuni ta’ partiti politiċi u dan bi ksur ta’ Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar ix-Xandir (Kap 350).

L-Awtorità semgħet virtwalment lil Dr Francis Żammit Dimech fil-preżenza ta’ Dr Karol Aquilina li dehru għall-Partit Nazzjonalista u lis-Sinjura Norma Saliba li kienet akkumpanjata mill-avukat tal-PBS Ltd, Dr Mark Vassallo f’seduta li inżammet fit-28 ta’ Ottubru 2020.

Min-naħa tiegħu Dr Francis Żammit Dimech ressaq il-każ u kkontenda li l-PBS naqas milli jxandar il-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Bernard Grech, b’mod dirett. Qal li din iċ-ċerimonja tal-ħatra kien jixraqilha li tingħata b’mod dirett minħabba li l-ħatra ta’ Kap tal-Oppożizzjoni hija ħatra kostituzzjonali.

Dr Żammit Dimech fakkar li kuntrarjament għal dak li ġara meta saret il-ħatra tal-Prim Ministru Dr Robert Abela. Din il-ħatra u l-ġurament u l-avveniment ixxandru live b’mod “massiċċ” fuq TVM. Dr Żammit Dimech kompla li filwaqt li rrimarka li l-ġurament tal-ħatra kellu coverage tajjeb fil-bulettin tal-aħbarijiet iżda t-trasmissjoni b’mod dirett tal-ħatra ma xxandritx.  Dr Żammit Dimech irribatta dak li wieġeb il-PBS f’kommunikat datat 12 ta’ Ottubru 2020 u li seħħet bi tweġiba għall-ilment tal-PN. Qal li l-argument li l-PBS ma xandarx din ix-xandira b’mod dirett għaliex qatt ma xxandar il-ġurament tal-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni b’mod live, skont Dr Żammit Dimech dan l-argument mhuwiex validu. Dr Żammit Dimech iċċita Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta partikolarment dwar it-tqassim ta’ ħin u faċilitajiet b’mod ugwali bejn il-partiti politiċi, liema provvediment ma ġiex osservat f’dan il-każ mill-PBS.  Dan għaliex filwaqt li kemm il-ħatra tal-Prim Ministru kif ukoll il-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni huma ħatriet kostituzzjonali, iżda irriżulta li l-coverage ta’ xandir ma kienx komparabbli.

Dr Żammit Dimech talab għal rimedju billi jingħata ħin simili jew jingħata proporzjon ta’ ħin li jitratta l-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni.   

Għall-PBS, is-Sinjura Norma Saliba bħala l-editur tal-istazzjon qalet li l-PBS mexa ma’ prassi ta’ ħatriet preċedenti tal-Kapijiet tal-Oppożizzjoni, liema ħatriet qatt ma ġew trasmessi b’mod live fuq TVM. Qalet li l-ħatriet ta’ Dr Adrian Delia, ta’ Dr Simon Busuttil u ta’ Dr Joseph Muscat bħala Kap tal-Oppożizzjoni ma kinux ixxandru live. Żiedet li madanakollu l-PBS ħass li din id-darba, l-ħatra ta’ Dr Bernard Grech bħala Kap tal-Oppożizzjoni tixxandar fuq il-pjattaformi online tal-PBS fosthom fuq il-facebook page ta’ TVM u fuq in-news portal (tvm.com.mt).  

Is-Sinjura Saliba rrimarkat li l-ħatra ta’ Dr Bernard Grech ġiet irrapurata b’mod estensiv fl-ewwel item tal-aħbarijiet ta’ dik il-ġurnata.

Dr Mark Vassallo in rappreżentanza tal-istazzjon qal li l-fatt li din ix-xandira ma xxandritx, din ma tikkostitwixxix nuqqas ta’ mparzjalità jew żbilanċ u fakkar li Artiklu 119 tal-Kostituzzjoni jitratta fuq imparzjalità dovuta fuq ħwejjeġ ta’ kontroversja politika jew industrijali jew jirreferu għal policy pubblika kurrenti. Qal li l-Kostituzzjoni titlob għall-imparzjalità dovuta u xierqa imma mhux għal trattament u imparzjalità ugwali. Dr Vassallo ikkontenda li d-deċiżjoni jekk tixxandarx xandira bħal din kienet fid-diskrezzjoni tal-istazzjon u tal-editur u qal li l-istazzjon, kif ġara f’każijiet preċedenti x-xandira ma kienx jimmerita li tixxandar live.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u wara li kienet rat id-dokumentazzjoni u dak li xxandar fis-7 ta’ Ottubru 2020 fuq TVM ikkonstatat is-segwenti u cioe;

  • TVM ma xandarx b’mod dirett il-ġurament tal-ħatra ta’ Dr Bernard Grech bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
  • Fil-bulettin tal-aħbarijiet tas-7 ta’ Ottubru ġiet irrapurtata din il-ħatra b’mod estensiv u bħala l-ewwel item fl-aħbarijiet.
  • TVM kien  xandar b’mod dirett il-ġurament tal-ħatra tal-Prim Ministru.

L-Awtorità rat li TVM irraporta b’mod ġust il-ġurament tal-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-bulettin tal-aħbarijiet iżda rat ukoll illi din kienet il-prassi li l-PBS ma jġibux l-ħatriet tal-Kap tal-Oppożizzjoni.  L-Awtorità tifhem li d-deċiżjoni tax-xandir ta’ avveniment bħal dan, taqa’ taħt ir-responsabbilità editorjali tal-editur tal-istazzjon u li f’dan il-każ  il-PBS ħass li ma kelliex valur ta’ aħbar biżżejjed biex tingħata b’mod dirett fuq TVM.

L-Awtorità fehmet li l-PBS mexa bil-prassi preċedenti fejn iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni qatt ma ġiet imxandra b’mod live u għalhekk l-Awtorità tħoss li tobbliga lill-PBS biex jagħmel protokoll intern li jservi bħala gwida ta’ kif għandu bżonn jimxi x-xandir pubbliku f’ċerimonji ta’ ħatriet bħal dawn.

In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet l-Awtorità ddeċidiet illi ma tilqax l-ilment tal-Partit Nazzjonalista iżda qed titlob lill-PBS biex fi żmien tliet xhur tinforma uffiċjalment lill-Awtorità b’dan il-kontenut tal-protokoll.

10 ta’ Novembru, 2020