UTV - L-Impenn - 29 ta' Meju 2026





Deċiżjoni għal akkuża fil-konfront ta’ UTV rigward il-programm L-lmpenn li xxandar fid-29 ta’ Mejju 2026

Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir kellu quddiemu akkuża maħruġa mill-Awtorità kontra l-istazzjon UTV nhar id-29 ta’ Mejju 2026.  

Il-Bord organizza smigħ għal nhar it-23 ta’ Lulju 2026 li għalih attenda Dun Ġwann Farrugia għall-istazzjon akkużat.  L-Awtorità kienet rappreżentata mill-Kap Eżekuttiv, Dr Joanna Spiteri.

Il-Kap Eżekuttiv qalet li din l-akkuża tirreferi għall-ġurnata tas-silenzju, il-ġurnata ta’ qabel il-votazzjoni, 29 ta’ Mejju 2026, fejn UTV xandar programm għall-ħabta tat-20:15 bl-isem “L-Impenn” li fl-opinjoni tagħha jikser sezzjoni 6 tad-direttiva maħruġa għal matul il-kampanja elettorali u dan peress li kien hemm intervista mas-Sinjura Astrid Vella tal-organizzazzjoni Flimkien għal Ambjent Aħjar. Qalet li fl-ewwel parti tal-programm kienet qed tiġi diskussa l-ħtieġa ta’ din l-organizzazzjoni, iżda fit-tieni parti tal-programm l-intervista kompliet titratta kontroversja nazzjonali partikolarment il-wirt storiku ta’ Manoel Island. Ġew diskussi l-protesti rigward dan is-sit u qalet ukoll li s-Sinjura Astrid Vella semmiet liġijiet tal-ippjanar deskritti bħala liġijiet “koroħ” matul l-istess programm. Ikkonkludiet li dan kollu xxandar fil-jum tas-silenzju fejn id-direttiva titkellem b’mod ċar li ma jistgħux jiġu diskussi temi ta’ policy kurrenti u temi kontroversjali.

Għall-UTV, Dun Ġwann Farrugia wieġeb li l-programm jismu “L-Impenn” iżda li hu ma kienx ra din il-produzzjoni. Kompla li dan programm huwa ta’ nofs siegħa u li hu stess joqgħod attent ħafna anke peress li l-istazzjon soċjo-reliġjuż u ma jidħlux f’kontroversji politiċi. Qal ma kellu ebda ħjiel li ġara hekk u kompla li l-punt huwa li l-istazzjon huwa wieħed żgħir u talab li tingħata kunsiderazzjoni dwar dan.

Wara li l-partijiet ħallew is-smigħ, il-Bord għadda sabiex jiddiskuti din l-akkuża.

Il-Bord irrefera għad-direttiva u kien konvint li jinsab ksur tal-istess. Madankollu, in vista tal-fatt li l-istazzjon qatt ma kellu akkużi simili ta’ ksur ta’ direttiva u wkoll għall-fatt li l-ksur ma kienx wieħed lampanti, iddeċieda li jwiddeb lill-istazzjon kif ukoll wissieh dwar l-importanza ta’ aderenza stretta mad-Direttivi.

Il-Bord qed iwiddeb lill-istazzjon UTV jaqra dan is-sunt sa jumejn mid-data ta din id-deċiżjoni bejn it-20:00 u t-20:30:

 

“Il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir sab lill-istazzjon U TV ħati ta akkuża dwar xandira tad-29 ta’ Mejju 2026 fejn irriżulta li kien hemm ksur tad-Direttiva maħruġa mill-Awtorità għal waqt il-perjodu tal-kampanja elettorali. Il-Bord widdeb lill-istazzjon UTV tan-nuqqas ta’ osservanza għall-istess Direttiva u ordnalu wkoll jaqra dan l-istess sunt”

 

Smigħ 6_26 Ilment 4

Ref: 60/05

27 ta’ Lulju 2026