L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ Vibe FM dwar xandira tat-30 ta’ Ġunju, 2012 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir meta waqt it-trażmissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2012, il-preżentatur għamel kummenti meqjusa reklamatorji biex b’hekk id-distinzjoni ċara bejn il-kontenut tal-programm u r-reklamar ma’ kienitx ikkonservata.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sur Terry Farrugia li deher għan-nom tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fil-11 ta’ Settembru, 2012. Minn naħa tiegħu s-Sur Farrugia saħaq li l-istazzjon dejjem fittex li josserva r-regolamenti tal-Awtorita’ u l-liġijiet viġenti u fl-ebda mument ma’ kien hemm l-intenzjoni li dan il-programm jiġi ttrasformat f’reklam. Żied li d-diriġenti tal-istazzjon huma attenti ħafna biex l-element reklamatorju fil-programmi jkun wieħed raġonevoli u skont il-liġi u dan għaliex jemmnu li b’dan il-mod jkunu qed jirrispettaw l-esiġenzi tal-udjenza tagħhom. Is-Sur Farrugia saħaq li kienu ittieħdu l-miżuri kollha sabiex dan in-nuqqas ma jerġax jirrepeti ruħu.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjoni tal-partijiet u wara li nnutat li l-istazzjon dejjem osserva r-regolamenti tagħha, filwaqt li qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata, iddeċidiet li peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati kellha twiddeb lill-istess sabiex ma jirrepetix tali nuqqas u ma timponix il-penali relattiva.