XFM - The Betsson Sports Update - 3 ta' Settembru, 2018




Akkuża fil-Konfront ta’ XFM rigward il-programm The XFM Burger King Breakfast rigward the Betsson Sports Update li xxandar fit-3 ta’ Settembru, 2018

L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ XFM rigward il-programm The XFM Burger King Breakfast rigward The Betsson Sports Update li xxandar fit-3 ta’ Settembru, 2018, fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 5.3 tal-L.S. 350.25, Ħtiġijiet dwar ir-Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar dwar Logħob tal-Ażżard fuq is-Servizzi tax-Xandir meta l-isponsorship ta’ The Betsson ixxandar bejn is-06:00 u d-09:00, waqt rokna fejn il-preżentatur informa lis-semmiegħa bl-aħħar aġġornamenti sportivi.

L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lill-Perit Conrad Bezzina u lis-Sur James Zammit li dehru f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fis-7 ta’ Novembru, 2018, li minn naħa tagħhom iddikjaraw li dwar din il-preżentazzjoni ta’ sponsorship l-istazzjon kien talab parir legali qabel ix-xandira u skont dan ma kellux ikun hemm problema peress li r-referenza għall-isem waħdu ma kienitx tikkostitwixxi reklamar. Żied li invista ta’ dan jidher li kienet teżisti inkonsistenza fl-interpretazzjoni tal-liġi.

Il-Perit Bezzina qal li f’dawn il-każi kif indikat l-istazzjon dejjem mexa b’kawtela għaliex jifhem is-serjetà tas-suġġett u li kien hemm linja fina bejn dak li huwa permissibbli u dak li mhux. F’dan l-istadju talab lill-Awtorità tevalwa l-intenzjoni tal-istazzjon meta tiġi biex tiġġudika l-każ.

L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-impenn tal-istazzjon li indipendentement jottjeni assistenza legali, madanakollu ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata u fiċ-ċirkostanzi qablet li f’dan il-każ kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.


Illum 4 ta’ Diċembru, 2018