L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ XFM rigward ix-xandira li saret fis-6 ta’ Lulju, 2012 għall-ħabta tat-7.45am (The Big Breakfast), fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att dwar ix-Xandir meta l-istazzjon xandar kummenti dwar il-kantanta Madonna li kienu meqjusa li joffendu l-gosti tajbin jew id-diċenza.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv u kif ukoll lis-Sinjuri David Azzopardi għan-nom tal-istazzjon u Steve Hili l-preżentatur tal-programm in kwistjoni, f’seduta li nżammet fis-17 ta’ Lulju, 2012, li min naħa tiegħu issottometta, saħansitra bil-miktub, li l-kunċett ta’ bad taste kien wieħed suġġettiv għall-aħħar, tant li skont hu dan kellu jkun determinat wara li tittieħed konsiderazzjoni ta’ kif taħsibha an average person. Żied li fl-ebda mument ma kien iqis il-kumment u ċ-ċajta bħala sessisti jew razzisti jew saħansitra in bad taste, u għaldaqstant talab lill-Awtorità li jekk din issib li dawn kienu jiksru l-liġi din tipprovdi linji gwida bħala referenza għal sitwazzjonijiet simili fil-futur.
L-Awtorità wara li ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddiskutiet fit-tul l-argumenti tal-preżentatur tal-programm, qablet li l-kummenti li kienu saru kienu fil-fatt offensivi partikolarment għall-persuni femminili ta’ ċerta età u għaldaqstant, iddeċidiet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata. Madanakollu peress li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon instab ħati ta’ dan il-ksur iddeċidiet li twiddeb lill-istazzjon sabiex aġir bħal dan ma jirrepetix tali nuqqas.