L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ XFM dwar l-edizzjoni tal-programm The XFM Big Breakfast li xxandar fit-13 ta’ Frar, 2015 fejn ġie allegat li kien hemm ksur ta’ Artiklu 13(2)(a) tal-Att Dwar ix-Xandir meta waqt dan il-programm, il-preżentaturi għamlu diversi rimarki li jitqiesu li jmorru kontra l-gosti tajbin u d-deċenza. Dawn ir-rimarki xxandru waqt ħin li fih setgħu kienu qed isegwu l-programm minuri u għalhekk jinħass li tali kummenti kienu barra minn lokhom.
L-Awtorità semgħet kemm lill-Kap Eżekuttiv kif ukoll lis-Sinjuri Jason Zammit u Konrad Bezzina għan-nom u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fil-21 t’April, 2015.
Il-Kap Eżekuttiv bħal fil-każ preċedenti saħaq li din l-akkuża ma kienitx qed timmina d-dritt fundamentali tal-Liberta’ tal-Espressjoni u żied li kien jirrikonoxxi li d-definizzjoni ta’ gosti tajbin kienet suġġettiva madanakollu kien tal-fehma li ċerti kummenti b’konnotazzjoni sesswali ma kienux xierqa.
Minn naħa tiegħu s-Sur Bezzina qal li l-istazzjon ma kienx qed jikkontesta l-akkuża u l-istazzjon kien lest li jagħmel dawk l-aġġustamenti neċessarji sabiex jikkonforma pjenament mal-liġi. Żied li f’dan il-każ wieħed ried iżomm f’moħħu l-kuntest li fih kienu saru il-kummenti li dwarhom kien hemm oġġezzjoni u kif ukoll il-bidla fil-kultura.
Is-Sur Zammit qal li l-kummenti, l-istejjer u l-argumenti diskussi fil-programmi kienu ġew rilevati mill-ġurnali u għalhekk kulħadd kellu aċċess għalihom. Saħaq li d-diċenza u gosti tajbin xi drabi kienet materja suġġettiva, u bħala preżentatur ried jitgħallem u jkollu linji gwida dwar x’setgħa jgħid f’dan il-kuntest biex il-programm iżomm l-udjenza u ċertu livell ta’ produzzjoni.
L-Awtorità ħadet konjizzjoni tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u filwaqt li ddiskutiet fit-tul kemm il-parametri ta’ x’jikkostitwixxi gosti tajbin u kif ukoll is-sensittività tal-każ b’referenza għal akkużi oħra fil-passat, qablet li l-akkuża kienet ġiet ippruvata. L-Awtorità filwaqt li rritjeniet il-posizzjoni tagħha li bl-ebda mod ma’ riedet tmur kontra id-dritt fundamentali tal-Libertà tal-Espressjoni li għandu kull stazzjon, kif ġie deċiż preċedentement mill-istess Awtorita` hija kellha d-dmir li tipproteġi lis-semmiegħa u ma kienitx tħoss li stazzjon, li jxandar fuq frekwenza nazzjonali għandu l-ħtieġa li juża kontenut b’konnotazzjoni sesswali biex jattira udjenza.
L-Awtorità saħqet li anke jekk tali kontenut kien ġie użat u rilevat minn ġurnali, il-fatt li s-servizz tar-radju huwa diffuż l-udjenza kienet tinkludi wkoll persuni li ma jkunux familjari magħhom u kien għalhekk li tali kontenut br-raġun ikun kkunsidrat bħala li jmur kontra l-provvedimenti tal-Liġi Dwar ix-Xandir fir-rigward ta’ gosti tajbin. L-Awtorita` tħoss li tkun qed tonqos jekk tħalli tali prattiċi għaddejjin mingħajr ma tieħu passi, u għalhekk, filwaqt li qed twissi lill-istazzjon biex jassigura li tali ksur tal-liġi ma jirrepetix ruħu, minħabba li din kienet l-ewwel darba li l-istazzjon ikkommetta ksur simili, iddeċidiet li ma timponix l-penali prevista mil-liġi.
Illum 30 t’April, 2015