Deċiżjoni dwar l-akkuża fil-konfront ta’ XFM rigward l-Edizzjoni tal-programm The XFM Burger King Big Breakfast li xxandar fit-3 Settembru, 2018 rigward l-enfasi li saret fuq l-XXL Bacon Double Cheese
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ XFM rigward il-programm The XFM Burger King Breakfast rigward XXL Bacon Double Cheese li xxandar fit-3 ta’ Settembru, 2018, fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 4 tat-Tielet Skeda tal-Att Dwar ix-Xandir meta il-preżentatur għamel kummenti reklamatorji. Infatti, il-preżentatur ikkummenta dwar prodotti ta’ Burger King u għamel enfasi fuq il-fatt li huwa kien jippreferi l-XXL Bacon Double Cheese li fil-fehma tiegħu huwa “the best fast food burger in the world”.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lill-Perit Conrad Bezzina u lis-Sur James Zammit li dehru f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fis-7 ta’ Novembru, 2018, li minn naħa tagħhom iddikjaraw li huma ma kienux qed jidhru għas-smigħ biex jikkontestaw l-akkuża iżda aktar biex jifhmu aħjar in-nuqqasijiet bil-għan li dawn ma jiġux ripetuti fil-futur.
Il-Perit Bezzina qal li l-istazzjon kien introduċu fil-qasam tax-xandir bir-radju l-kunċett ta’ żewġ preżentaturi, kunċett innovattiv li jidher li rnexxa u li sussegwentement kien qed jiġi addottat mill-istazzjonijiet l-oħra. Żied li l-infrazzjoni kienet saret darba waħda u dak li ntqal mill-preżentatur kienet l-opinjoni personali tiegħu u in bona fede u bl-ebda intenzjoni kummerċjali, in oltre l-attenzjoni tal-preżentaturi tal-istazzjon kienet inġibdet biex nuqqasijiet simili jiġu eliminati.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet in partikolari l-ammissjoni tal-istazzjon u ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata u qablet li f’dan il-każ kellha twiddeb lill-istazzjon sabiex ma jirrepetix tali nuqqas.
Illum 4 ta’ Diċembru, 2018