Deċiżjoni dwar l-akkuża fil-konfront ta’ XFM rigward l-Edizzjoni tal-programm The XFM Burger King Big Breakfast li xxandar fl-4 ta’ Settembru, 2018 rigward The XFM Portomaso Casino Restaurant
L-Awtorità kellha quddiemha akkuża fil-konfront ta’ XFM rigward il-programm The XFM Portomaso Casino Restaurant Big Drive Home li xxandar fl-4 ta’ Settembru, 2018, fejn ġie allegat ksur ta’ Paragrafu 5.3 tal-L.S. 350.25, Ħtiġiet dwar ir-Reklamar, Metodi ta’ Reklamar u Direttivi dwar Reklamar dwar Logħob tal-Ażżard fuq is-Servizzi tax-Xandir meta l-isponsorship ta’ Tumas Gaming ixxandar bejn 16:00 u 19:00.
L-Awtorità semgħet lill-Kap Eżekuttiv u lill-Perit Conrad Bezzina u lis-Sur James Zammit li dehru f’isem u in rappreżentanza tal-istazzjon, f’seduta li nżammet fis-7 ta’ Novembru, 2018, li minn naħa tagħhom filwaqt li saħqu fuq il-fatt li l-istazzjon dejjem ifittex li josserva bl-aktar mod rigoruż ir-regolamenti dwar reklamar, bħal f’każ preċedenti esprimew element ta’ sorpriżi bl-akkuża peress li kienu ngħataw il-parir li din il-preżentazzjoni ta’ sponsor kienet tikkonforma mal-liġi.
L-Awtorità ħadet nota tas-sottomissjonijiet tal-partijiet u ddeċidiet li l-akkuża ġiet ippruvata u qablet li f’dan il-każ timponi l-penali ridotta relattiva fl-ammont ta’ €930 liema penali kellha titħallas fi żmien 60 jum mid-data tan-notifika.
In oltre l-Awtorità ħasset li kellha tinsisti mal-istazzjon XFM u stazzjonijiet oħra tax-xandir fuq l-importanza li jsegwu r-regoli dwar reklamar partikolarment dawk relatati mal-logħob tal-ażżard. L-Awtorità saħqet li ma kienitx ser taċċetta li fil-ħinijiet projbittivi ismijiet ta’ programmi u/jew sponsors ikunu indikattivi jew b’xi mod konnessi ma operaturi fil-qasam tal-logħob tal-ażżard.
Illum 4 ta’ Diċembru, 2018