Iment mis-Soċjeta’ Yobetit.com Limited
L-Awtorità kellha quddiemha ilment mis-Soċjetà Yobetit.com Limited kontra PBS Ltd datat 9 ta’ Mejju 2019, fejn ġie allegat li l-PBS Ltd kienet qed tagħmel diskriminazzjoni mal-istess soċjetà u kienet daħlet f’xi forma ta’ arranġament ta’ esklussiva mas-Socjeta’ Maltco meta ma onoratx ftehim rigwardanti pakkett ta’ reklamar waqt ix-xandir tas-serati tal-Eurovision Song Contest li kellhom jixxandru fl-14, 16, u 18 ta’ Mejju 2019, liema aġir kien imur kontra d-dispożizzjonijiet f’paragrafi 2 u 3 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar ix-Xandir li jaqraw:
Paragrafu 2. Ebda persuna li hi awtorizzata xxandar reklamar kummerċjali jew telexiri m’għandha tillimita dan ir-reklamar u telexiri għal prodotti u servizzi ta’ grupp kummerċjali jew finanzjarju wieħed jew tagħti xi dritt esklussiv għar-reklamar kummerċjali ta’ prodott jew servizz speċifiku.
Paragrafu 3. Fl-aċċettazzjoni ta’ reklami u telexiri m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni bla raġuni kontra jew favur xi reklamatur partikolari.
L-Awtorità semgħet lis-Sur Michael Hjel, Chief of Marketing, u lil Ms Elaine Anastasi, Commercial Coordinator tas-soċjetà Yobetit.com Ltd. li kienu assistiti mill-Avukat Christine Calleja u lis-Sur Reno Bugeja, Editur ta’ PBS Limited, li kien assistit mill-Avukat Mark Simiana, f’seduta li nżammet illum is-16 ta’ Mejju, 2019.
Min-naħa tagħha l-Avukat Calleja, filwaqt li rreferiet għall-kronoloġija tal-fatti bl-assistenza tax-xhieda u kif ukoll b’referenza għall-korrispondenza li kienet għaddiet tul l-aħħar ġimgħat bejn Yobetit.com Limited u l-PBS Ltd., ikkontendiet li kien evidenti mill-iskambju ta’ komunikazzjoni bejn iż-żewġ partijiet illi l-PBS Ltd kien aġixxa b’mod inġust u diskriminatorju fil-konfront ta’ Yobetit.com Ltd, mar kontra ftehim bejn iż-żewġ naħat, u kiser il-provvediment tal-liġi meta kellu xi forma ta’ arranġament ta’ esklussività mal-Maltco.
Min-naħa tiegħu l-Avukat Mark Simiana qal li, skont hu, l-interpretazzjoni ta’ esklussività u diskriminazzjoni, hekk kif kontemplati fil-liġi, timplika li dawn kellhom ikunu assoluti, fattur li ma kienx jirriżulta fil-każ odjern.
Is-Sur Reno Bugeja qal li huwa kien qed jirrespinġi kwalunkwe akkuża ta’ diskriminazzjoni jew trattament inġust u kif ukoll li kien hemm xi arranġament ta’ esklussività bejn l-istazzjon u s-Soċjetà Maltco. Żied li kien importanti li wieħed iqis il-limitazzjoni fil-ħin allokat waqt ix-xandira, liema limitazzjoni kienet riżultat tal-obbligi internazzjonali li kellu jirrispetta l-istazzjon u kif ukoll il-konsiderazzjonijiet kummeċjali tal-istazzjon. Is-Sur Bugeja saħaq li għalkemm seta’ kien hemm xi nuqqas fil-mod kif l-istazzjon tratta dan il-każ, saħaq li l-kriterju ewlieni applikat mill-istazzjon kien dak kummerċjali.
L-Awtorità, wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u rat l-Artikolu 21A tal-Att dwar ix-Xandir u paragrafi (2) u (3) tat-Tielet Skeda tal-istess Att u kif ukoll paragrafu 7 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.06, u wara li ħadet konjizzjoni tax-xhieda prodotta, tqis illi jirriżulta li PBS Ltd tat xi dritt esklussiv lil kumpanija kummerċjali waħda dwar xi prodott jew servizz wieħed fix-xandiriet tal-Eurovision Song Contest tal-14, 16, u 18 ta’ Mejju 2019 u ddiriġiet għalhekk li l-istazzjon jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet tal-liġi indikati.
16 ta’ Mejju 2019