21/15 - 4 Dec 2015




Reklamar ta’ Xorb Alkoħoliku

Issa li qed joqrob żmien il-festi, jiżdiedu r-reklami marbuta max-xorb alkoħoliku. Infakkarkom li reklamar għal xorb alkoħoliku jista’ jixxandar biss bejn id-9.00p.m. u s-6.00a.m.

Il-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.24 telenka l-obbligi li stazzjonijiet iridu jsegwu meta jxandru dawn it-tipi ta’ reklami. Minbarra li dawn ir-reklami jridu jixxandru wara d-9.00p.m, hemm ukoll diversi klawsoli li jispjegaw trattamenti inaċċettabli waqt tali reklamar.

Fost l-aktar importanti nsibu li:

  1. L-ebda reklam m’għandu jimplika li x-xorb alkoħoliku huwa parti essenzjali mir-rutina ta’ kuljum jew li jista’ jġib bdil fil-burdata.
  2. Minuri m’għandhomx jintwerew jew jinstemgħu f’reklamar ta’ xorb alkoħoliku.
  3. Xejn f’reklam m’għandu jippromwovi x-xorb waqt is-sewqan jew waqt li jkun qed jintuża makkinarju.
  4. M’għandux jintwera alkoħol jiġi kkunsmat f’ambjent ta’ post tax-xogħol.

Importanti wkoll tiftakru li fir-reklami ma jistax ikun hemm referenzi għal happy hour drinks, ixrob kemm trid, ixtri tnejn u tingħata wieħed b’xejn jew offerti simili li jinkoraġġixxu l-konsum eċċessiv jew immoderat tal-alkoħol.

Dawn ir-regolamenti jgħoddu wkoll għall-irkejjen ta’ teleshopping.

Nitlobkom biex tieħdu nota ta’ dawn ir-regolamenti sabiex ma jkunx hemm il-ħtieġa li l-Awtorità tintervjeni sabiex tieħu azzjoni kontra reklamar ta’ xorb alkoħoliku jew reklami ta’ attivitajiet li fihom ikun hemm implikat il-konsum eċċessiv tal-alkoħol.


Pierre Cassar
Kap Eżekuttiv
4 ta’ Diċembru 2015
Ref 186/00